Ġimgħa ilu l-Parlament approva liġi li kull min idejjaq lil ġar tiegħu bir-riħa ta’ ħaxixa waqt li jkun qed ipejjep joint id-dar, jista’ jkun soġġett li jeħel mal-€235 multa.
Din hija waħda mir-regolamenti ġodda mmirati biex isaħħu l-liġijiet dwar il-konsum tal-kannabis f’Malta. Madanakollu, meta dan l-aħħar kien qed jiġi intervistat fuq ix-Xandir Nazzjonali, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien ċar li kienet se tkun ferm diffiċli biex din il-liġi tiġi infurzata. Dan għaliex il-Pulizija mhumiex esperti fl-aromi u x-xamma tal-kannabis u li hu l-ewwel wieħed mhux kapaċi jiddetermina jekk riħa partikulari hux kannabis, sigarru jew vape.
Għaldaqstant, l-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Kummissarju kif se jkun qiegħed jinforza din il-liġi li ġiet implimentata. B’Angelo Gafà jisħaq li se jkunu qed jaħdmu id f’id mal-Awtorità responsabbli, l-ARUC, fuq soluzzjoni li għadha trid tinstab.
Mistoqsi mill-ġdid jekk hemmx xi tip ta’ soluzzjoni u serħan il-moħħ fl-immedjat, ladarba din il-liġi issa hija implimentata…. Angelo Gafà spjega li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>