Lokali

Tħassib profond dwar il-kundizzjonijiet inaċċettabbli u degredanti fil-Ward Maskili 1B fl-Isptar Mount Carmel

Il-Professur Andrew Azzopardi kiteb lil media biex jesprimi formalment it-tħassib profond tiegħu dwar il-kundizzjonijiet inaċċettabbli u degradanti li ġie infurmat li jeżistu fil-Ward Maskili 1B fl-Isptar Mount Carmel (MCH).

Il-kundizzjonijiet fil-Ward Maskili 1B fl-isptar Mount Carmel jidhru li qed jiksru l-Karta tad-Drittijiet tal-Pazjent fil-qasam tas-saħħa f’Malta (disponibbli hawnhekk), u qed d-definizzjonita’ “saħħa” minn dan id-dokument li jgħid:

“Is-Saħħa: Stat ta’ benesseri fiżiku, mentali u soċjali komplut u mhux sempliċement in-nuqqas ta’ mard jew dgħufija.” (p. 4)

Huwa ċar li s-sitwazzjoni fil-Ward Maskili 1B (u possibilment wards oħra) qed timmina d-drittijiet fundamentali ta’ persuni b’disturbi mentali, kif ukoll id-drittijiet tal-impjegati responsabbli għall-kura tagħhom.

Kwistjonijiet li jiksru d-dritijiet umani

1. L-Ambjent li jgħixu fih
Il-pazjenti huma ristretti f’zona ta’ rqad vojta u ffullata żżejjed, mingħajr aċċess għall-arja friska, dawl naturali, jew spazji terapewtiċi; apparentement m’hemmx salott, faċilitajiet limitati għall-għawm u t-toilets, l-ebda kamra kwieta, l-ebda kamra għar-rekreazjoni, u lanqas spazju biżżejjed għall-istaff – dan jikser b’mod dirett il-punt 4 tal-Karta: “Li wieħed jistenna li t-trattament jiġi pprovdut f’ambjent xieraq, sigur u nadif” (p. 16), u li jirrispetta d-dinjità u l-privatezza tal-bniedem.

2. Kundizzjonijiet taż-żjarat:
Il-kamra taż-żjarat tinsab fi stat ta’ telqa serja u ma tipprovdix ambjent deċenti u komdu li jilqa’ lill-familji u lill-carers b’dinjità u sens ta’ kompassjoni.

3. Appoġġ terapewtiku u soċjali:
In-nuqqas ta’ attivitajiet terapewtiċi strutturati jċaħħad lill-pazjenti mid-dritt għall-kura olistika, u jmur kontra l-prinċipju ta’ kura komprensiva u kontinwa.

4. Iżolament:
Bl-eċċezzjoni ta’ televiżjoni wieħed għall-użu kollettiv, il-pazjenti huma prattikament iżolati, u dan imur kontra d-dritt tagħhom għal ambjent terapewtiku.

5. Saħħa fiżika u mentali:
In-nuqqas ta’ ventilazzjoni adegwata u aċċess għall-ispazji ta’ barra qed jaffettwa b’mod serju s-saħħa fiżika u mentali.

6. Il-benesseri tal-istaff:
L-istess kundizzjonijiet degradanti għall-pazjenti qed ipoġġu pressjoni kbira fuq l-istaff.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

L-operat ta’ ward f’dawn il-kundizzjonijiet gravi ma jistax jiġi ġġustifikat f’ebda sistema tas-saħħa li tiddikjara li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata biex jiġu evitati aktar ħsarat u biex tiġi restawrata d-dinjità ta’ dawk f’idejn din l-istituzzjoni – kemm pazjenti kif ukoll staff.