Lokali

Tinfetaħ wirja artistika ta’ Giuseppe Calì taħt il-kunċett ‘MUŻA Ħdejk’

Ġiet imnedija t-tieni wirja ta’ MUŻA fis-sensiela ‘MUŻA Ħdejk’, li titfa’ lenti fuq il-ġenju artistiku lokali Giuseppe Calì. Il-wirja li bdiet fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta se tkompli għaddejja sal-4 ta’ Ġunju 2025. Wara dan, se tittella’ fil-Bażilika tas-Santwarju ta’ Marija Assunta fil-Mosta mit-12 sal-25 ta’ Ġunju, u żżur Ħal Lija u Tas-Sliema aktar tard matul is-sena.

L-inizjattiva ta’ Heritage Malta hi waħda importanti għax tressaq l-arti u l-kultura qrib il-komunità.

L-proġett “MUŻA ħdejk” huwa eżempju ċar ta’ kif l-arti tista’ tasal  għand in-nies, flok bil-maqlub. Din l-inizjattiva tixhed viżjoni matura u inklussiva, fejn kulħadd, kemm dawk li jħobbu l-arti kif ukoll dawk li forsi qatt ma rrikonoxxew il-valur tagħha, jingħataw l-opportunità japprezzaw ġmiel u patrimonju nazzjonali. “Prosit lil Heritage Malta u lil kull min ħadem biex dan isir realtà.

Mario Cutajar, id-Direttur tal-MUŻA, Chairman ta’ Heritage Malta u l-kuratur ta’ din il-wirja, qal: “Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, magħruf iktar bħala MUŻA, ma jkunx komplut mingħajr il-komunità. Hemm diversi modi kif il-MUŻA jkun fil-komunità u magħha, imma wieħed minn dawn il-modi huwa li minflok dan il-mużew jistennik biss li żżuru int, hu stess idewqek dak li għandu esebit, billi jidħol fil-qalba tal-komunità. Dak hu l-qofol ta’ ‘MUŻA Ħdejk’, u huwa għalhekk li din il-wirja mhux se tieqaf f’lokalità waħda, imma se ddur erba’ postijiet, biex turi l-firxa ta’ xogħlijiet ta’ dan l-artist li ħalla impatt qawwi fuq ix-xena artistika Maltija. Il-Malta Biennale, li jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu, u l-aġġornament sħiħ li qed isir fis-swali kollha tal-MUŻA, ukoll jindirizzaw din il-ħtieġa,” temm jgħid is-Sur Cutajar.

Patri Michael Camilleri, il-Kappillan tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku, qal: “Huwa apprezzat mill-komunità Dumnikana tal-Belt Valletta li din il-wirja dwar Giuseppe Calì, wild l-istess parroċċa, bdiet il-mixja tagħha mill-Knisja ta’ San Duminku li hija mogħnija, fost kapolavuri oħra, bix-xogħlijiet ta’ Calì.”

Huwa semma r-restawr estensiv li sar fil-knisja fl-aħħar seba’ snin, inkluż fuq ix-xogħlijiet kollha ta’ Calì, u faħħar l-għajnuna li ngħatat grazzi għall-fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Fond għall-Kawżi Soċjali, Bank of Valletta u benefatturi oħra biex dan ir-restawr iseħħ. Huwa rringrazzja partikolarment lil Heritage Malta, li għenet ħafna tul il-proċess kollu u li issa qed tippubblika fi ktieb ir-restawr kollu li sar u tagħrif siewi ieħor.

‘MUŻA Ħdejk’ hija inizjattiva ta’ aċċessibbiltà maħsuba biex twassal xogħlijiet mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti eqreb lejn il-pubbliku, billi ssellifhom temporanjament lil lokalitajiet differenti li magħhom għandhom rabta.

Il-wirja l-ġdida tagħti ħarsa lejn it-talent eċċezzjonali ta’ Calì u l-modi kif kien iwassal l-arti tiegħu billi ġġib flimkien taħt saqaf wieħed għadd ta’ kapolavuri tiegħu – inkluż ‘Il-Mewt ta’ Dragut’ (mislufa minn MUŻA) – maġenb xogħlijiet minn kontemporanji tiegħu, abbozzi, ir-reġistri tat-twelid u l-mewt tiegħu, u aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq aspetti ta’ ħajtu.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta huma mill-10:00 sas-19:00. Id-dħul huwa kompletament bla ħlas, u l-pubbliku jista’ jidħol fiha mill-bieb prinċipali fi Triq il-Merkanti.

Tags