Il-qtil brutali u għall-għarrieda ta’ żewġ membri tal-Ambaxxata Iżraeljana f’Washington qanqal reazzjoni furjuża minn Iżrael — fost l-istqarrijiet li l-pajjiż, fl-ebda ħin, mhu se jbaxxi rasu għal azzjonijiet terroristiċi ta’ dan it-tip.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Gideon Sa’ar, sadanittant, qal li l-isparatura qattiela fil-kapitali tal-Istati Uniti seħħet b’riżultat tal-inċitament kontinwu anti-Semitiku li ilu jbaqbaq sa minn wara l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 mill-grupp Ħamas fuq Iżrael.
Il-vittmi tal-attakk – identifikati bħala Sarah Lynn Milgrim u Yaron Lischinsky — kienu koppja li n-nies li jafuhom fissruhom bħala fil-fjur ta’ ħajjithom’…Koppja li kienu qed jippjanaw għaż-żwieġ qabel laħaqhom id-destin kiefer.
Is-sorsi diplomatiċi, fl-aħħar sigħat, infurmaw lill-aġenziji tal-aħbarijiet li Lischinksy kellu wkoll nazzjonalità Ġermaniża.
Intant, Milgrim u Lischinsky kellhom jisfaw maqtula waqt li huma kienu qed jitilqu minn avveniment li klien għadu kemm ikkonkluda fil-Capital Jewish Museum ta’ Washington.
Il-qattiel suspettat spiċċa arrestat ftit tal-ħin wara l-omiċidju doppju – bil-Pulizija tiżvela li r-raġel jismu Elias Rodriguez; ċittadin ta’ 30 sena mnn Chicago. Dritt wara li spiċċa arrestat, Rodriguez beda jgħajjat is-slogans favur “Palestina ħielsa’ u mifhum li hu, issa, qed ikun suġġett għal investigazzjoni bir-reqqa għal ‘każ potenzjali ta’ terroriżmu’.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Pulizija Metropolitana, Pamela Smith, qalet li, qabel l-attakk, l-aggressur kien deher qed jippassiġġa ‘il fuq u l-isfel ftit ‘il hinn mill-mużew – u sakemm, f’daqqa waħda, fetaħ in-nar fuq grupp ta’ madwar erba’ persuni, li tnejn mimmhom kienu Sarah Lynn Milgrim and Yaron Lischinsky .
Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Turmp, ma naqasx milli jikkundanna l-qtil doppju li fissru bħala ‘azzjoni li għandha ssewwed qalb kulħadd’ …Trump saħaq ukoll li r-reat kien ‘ovvjament’ relatat mal-mewġa kbira ta’ anti-semitiżmu li ħakmet lid-dinja fl-aħħar xhur.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li s-sigurtà se tiżdied sew għall-ambaxxati ta’ Iżrael madwar id-dinja…Dan waqt li l-Gvern tiegħu saħaq li l-Lhud fid-diversi pajjiżi qed jisfaw mira ta’ kampanja tossika u perikoluża mmexxija mill-estremisti li ‘jobgħodu lil Iżrael’.
U fl-aħħar sigħat, il-Ministru Gideon Sa’ar qal li l-inċitament għall-mibgħeda kontra l-Lhud qed ikun xprunat anki mill-Mexxejja u l-uffiċjali ta’ diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali – partikularment l-Istati tal-Ewropa.
Dan meta Iżrael qed jinnota l-kundanna bla riservi tal-Ewropej għall-kampanja militari li l-Iżraeljani qed imexxu kontra l-Ħamas f’Gaza – bid-diversi pajjiżi jfissru din l-offensiva bħala waħda ‘kompletament sproporzjonali’…Kritika li l-Gvern Iżraeljan qed iqisha bħala ‘inkoraġġiment għall-entitajiet li jemmnu fit-terrur’.
Fl-istess ħin, il-pajjiżi Ewropej u tal-Punent ma żammewx lura milli jikkundannaw bla riservi l-qtil taż-żewġ membri tal-istaff tal-Ambaxxata f’Washington.
Fost dawn kien hemm l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja – u fejn spikka wkoll il-messaġġ biex ‘il-pajjiżi u l-komunitajiet jeliminaw l-antisemitiżmu bħala ideoloġija malinna’.
//= $special ?>