Iżrael, fl-aħħar sigħat, irranka l-offensiva militari fl-artijiet ta’ Gaza bħala sfida ċara u diretta lill-komunità internazzjonali. Dan wara li l-istess komunità internazzjonali kundannat l-azzjonijiet li, kuljum, qed jissarrfu fl-imwiet tal-għexieren ta’ ċivili Palestinjani.
Ħarġu wkoll rapporti li l-isptarijiet f’Gaza ma jistgħux ilaħħqu mal-midruba f’dawn l-attaki, bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jikkonċentraw fuq iz-zoni indikati bħala moħbiet tal-Ħamas u li jinsabu fl-eqqel tal-komunitajiet residenzjali.
Fl-aħħar azzjonijiet inqatlu ‘il fuq minn 100 Palestinjani oħra, bi kważi 300 jindarbu — fost rapporti li l-missili laqtu wieħed mill-aħħar żewġ sptarijiet li fadal fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza u li ġarrab il-ħsarat estensivi.
L-Iżraeljani, sadanittant, komplew bil-bumbardamenti fuq ir-reġjuni lejn il-lvant tal-Belt ta’ Gaza u meta l-filmati wrew it-tankijiet tal-gwerra u d-drones waqt li kienu qed jattakkaw lill-isptar ta’ Al-Awda – bir-riżultat li sezzjoni tal-kumpless sfat meqruda għal kollox.
L-Iżraeljani, intant, qalu li t-terroristi tal-grupp Ħamas qed jużaw dan l-isptar bħala ċentru minfejn qed imexxu l-azzjonijiet terroristiċi — u li l-kumpless, għaldaqstant, sar mira leġittima għall-militar tagħhom.
Fl-istess ħin, xi sorsi Iżraeljani qalu li l-qawwiet tagħhom kienu qed imexxu l-azzjonijiet viċin l-isptar ta’ Al-Awda u li huma permettew biex l-iskwadri għall-emerġenzi jtaffu n-nirien li qabdu f’dak il-kumpless. Dawn is-sorsi, kuntrarju għal sorsi oħrajn, ċaħdu r-responsabbiltà għall-isparaturi fuq l-isptar.
It-Tmexxija Iżraeljana, sadanittant, hi urtata għal diversi pajjiżi tal-Punent li, skont hi, għandhom ‘aġenda kontra Iżrael’. Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fl-istess ħin, ħareġ jikkundanna lill-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer u lill-Mexxejja ta’ Franza u l-Kanada waqt li qal li l-pajjiżi partikulari, effettivament, ‘iddikjaraw li jridu lill-Ħamas ikompli jmexxi fl-artijiet ta’ Gaza.’
Netanyahu akkuża lil Starmer, kif ukoll lill-President Franċiż, Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Kanadiż, Mark Carney, b’li ‘qed jappoġġjaw lil grupp ta’ qattiela tal-massa u fanatiċi li qed iżommu lin-nies kontra l-volontà tagħhom (b’referenza għall-ostaġġi Iżraeljani).’
Dan ukoll wara li r-Renju Unit, Franza u l-Kanada, kienu kundannaw l-offensiva ta’ Iżrael f’Gaza bħala waħda ‘sproporzjonali’ – u fost il-kummenti li s-sitwazzjoni umanitarja (fost ir-residenti ta’ Gaza) saret intollerabbli’.
Mifhum li, mindu Iżrael naqqas l-istat ta’ assedju fuq Gaza, madwar 130 trakkijiet tal-għajnuna laħqu qasmu fit-territorji tal-Palestinjani biex iwasslulhom l-ikel u l-mediċina. Iżda dan l-ammont bilkemm jibda biex jindirizza l-kriżi umanitarja, fost rapporti li talanqas 30 resident ta’ Gaza, fl-aħħar jiem, mietu ‘mill-effetti tal-ġuh’.
Min-naħa tagħhom,l-uffiċali Iżraeljani ċaħdu li l-Palestinjani f’Gaza qed ibatu min-nuqqas ta’ ikel waqt li sostnew li ‘Iżrael qed jagħmel il-parti tiegħu biex ma jispiċċax akkużat b’xi reat tal-gwerra’.
//= $special ?>