L-eks Sindku Nazzjonalista ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci llum ressqet talba formali quddiem l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru kontriha mill-Partit Laburista wara li f’manuvra anti-demokratika orkestrata minn Robert Abela tneħħiet mill-kariga.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija, f’laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, l-eks Sindku Helen Gauci u l-Kunsilliera tal-PN Marilena Hassan ressqu mozzjoni li titlob li l-Awditur Ġenerali jkun jista’ jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru mill-Partit Laburista fil-konfront tal-eks Sindku.
Helen Gauci għamlet dan wara li l-Kunsillieri Laburisti għamlu diversi allegazzjonijiet fil-konfront tagħha, però baqgħu ma ressqu l-ebda prova biex jissostanzjaw dak li qalu.
Imma l-Kunsillieri tal-Partit Laburista, fil-laqgħa tal-bieraħ, ma qablux u minflok l-Awditur Ġenerali – uffiċjal pubbliku li jgawdi l-fiduċja tal-pajjiż kollu għax ġie elett fil-kariga tiegħu b’mod unanimu bis-sapport tal-membri kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra – riedu li l-investigazzjoni ssir mid-Direttur Ġenerali tal-Kunsilli Lokali, l-istess persuna li l-ġimgħa l-oħra kien mistieden fuq is-Super One biex jitkellem fuq l-istazzjon Laburista dwar dak li ġara f’Ħal Għargħur qabel biss investiga l-każ.
Wara li ppruvaw iwaqqfu kompletament il-mozzjoni ta’ Helen Gauci, imbagħad il-Kunsilieri tal-Labour spiċċaw ressqu emenda għall-mozzjoni biex idaħħlu lid-Direttur tal-Kunsilli Lokali fl-investigazzjoni. B’hekk assiguraw li jdeffsu lill-Gvern f’dan il-proċess u jagħżlu huma min jinvestiga l-allegazzjonijiet tagħhom stess.
Jidher ċar li l-Labour mhux komdu b’investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali li tkun verament indipendenti u għalhekk ta struzzjonijiet lill-kunsillieri tiegħu li serqu l-maġġoranza f’Ħal Għargħur biex idawru din il-mozzjoni f’waħda fejn ikun hemm l-id tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull investigazzjoni li ssir għandha tkun waħda verament indipendenti u trasparenti u kien għalhekk li l-eks Sindku Helen Gauci talbet li jkun l-Awditur Ġenerali li jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru kontriha biex toħroġ il-verità kollha f’dan il-każ.
//= $special ?>