L-esperti dwar l-attivitajiet siżmiċi qed iwissu lit-turisti biex joqgħodu attenti waqt li jiffamiljarazzaw ruħhom mal-gwidi lokali għall-ħarsien tas-sigurtà…Dan wara li żewġ terremoti, fl-aħħar jiem, laqtu f’zona qrib ta’ Kreta u l-gżejjer fil-Baħar Eġew.
L-aħħar terremot ta’ 6.1 kien irreġistrat ftit ‘il barra mill-kosta ta’ Kreta nhar il-Ħamis u meta ftit jiem qabel, kien hemm terremot simili taħt il-baħar (u fl-istess zona) li l-effetti tiegħu nħassu anki fl-artijiet tal-Eġittu.
Fi Frar li għadda, l-awtoritajiet fil-gżira ta’ Santorini kienu dikjaraw stat ta’ emerġenza wara sensiela ta’ terremoti fl-ibħra tal-madwar…Attività siżmika mfissra bħala mhix tas-soltu għar-reġjun.
Sadanittant, it-terremot li laqat ‘il hinn minn Kreta wassal biex l-awtoritajiet joħorġu twissija dwar it-tsunami. Dan fost rapporti dwar il-ħsarat f’numru ta’ bini fil-port storiku tal-gżira – madankollu, l-esperti sostnew li ma hemmx provi li s-sitwazzjoni timponi xi sogru ‘kbir jew imminenti’ għall-ħajja.
Rémy Bossu, Is-Segretarju-Ġenerali tal- European-Mediterranean Siesmological Centre, qal li wieħed irid jikkunsidra kważi kull zona fil-Greċja bħala reġjun b’attività siżmika konsistenti. Madankollu, il-messaġġ hu li l-periklu mhux sinifikattivament ogħla milli kien fl-aħħar ġranet – inkella fi Frar.
Fl-istess ħin, iżda, l-awtoritajiet u l-esperti qed iħeġġu xorta biex it-turisti li jżuru l-gżejjer Eġew ikunu preparati u jsiru jafu kif l-aħjar jipproteġu ruħhom fl-eventwalità tat-theżżiż tal-art li, inevitabbilment, iqanqlu l-minuti tal- paniku.
//= $special ?>