Lokali

Il-Gvern qed jarmi l-ġejjieni ta’ pajjiżna – Kuljum 19-il żagħżugħ Malti qed jitlaq minn Malta – PN

Il-Ministru Clyde Caruana fl-aħħar ammetta dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista: illum qed jitilqu minn Malta medja ta’ 19-il żagħżugħ jew żagħżugħa kuljum. Dan huwa l-akbar ċertifikat ta’ mudell ekonomiku li tilef kull viżjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Fl-istess sena, kważi 18,000 żagħżugħ barrani emigra lejn Malta biex jimla l-vojt f’ekonomija mibnija fuq iċ-cheap labour u l-isfruttament. Malta spiċċat taħdem fuq mudell ta’ “modern day slavery”, minflok fuq tkabbir sostenibbli.

Fl-aħħar 12-il sena, il-Gvern Laburista ma rnexxilux jiġbed lejn pajjiżna settur ekonomiku wieħed ġdid, u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li tant huma kapaċi u għatxana biex jiżviluppaw qed jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u jitilqu minn art twelidhom. Tant li fl-2023, rekord ta’ kważi 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin telqu minn pajjiżna biex jgħixu barra, l-ogħla ammont fl-aħħar ħames snin. Diversi surveys juru r-raġunijiet li qed iwasslu għal dan, li jinkludu n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ studju u xogħol, id-degradazzjoni ambjentali u l-prezzijiet għolja tal-housing.

Il-Partit Nazzjonalista jrid Malta fejn iż-żgħażagħ jemmnu li jistgħu jibnu l-futur tagħhom permezz ta’ politika ċara.

Għal dan il-għan, il-PN fassal diversi miżuri li minnhom jibbenefikaw ukoll iż-żgħażagħ, u li għandhom iwasslu biex:

·          jonqsu l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja

·          jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

·          jitwessa’ l-parental leave,

·          iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsiru sidien ta’ djarhom, u

·          l-ambjent ikun protett bil-Kostituzzjoni.

Aktar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li joħloq setturi ekonomiċi ġodda u ta’ valur miżjud li joffru impjiegi ta’ kwalità.

Għall-kuntrarju ta’ Gvern Laburista li qatgħalhom qalbhom, il-Partit Nazzjonalista jrid jinvesti fiż-żgħażagħ għax jemmen bis-sħiħ li l-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnhom.

Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ġiet iffirmata minn Bernice Bonello ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda.