Internazzjonali

Il-President tal-Italja fi żjara fil-Parlament Ewropew fi Brussell

Il-President tar-Repubblika tal-Italja, Sergio Mattarella, għamel l-ewwel żjara tiegħu matul dan it-terminu, fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-President Mattarella ltaqa’ mal-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fl-uffiċċju tagħħha, fejn iffirma l-ktieb tad-dinjitarji li jagħmlu żjara fl-istituzzjoni Ewropea u wara ddiskutew dak li qed jiġri madwar id-dinja.

Il-President Metsola qalet li bħala pajjiż fundatur tal-Unjoni Ewropea, l-Italja għandha sehem ewlieni biex tfassal il-futur tal-għaqda Ewropea, għall-ġid taċ-ċittadini kollha.

Hija tkellmet dwar ir-relazzjoni speċjali li għandu l-poplu Malti ma dak Taljan, b’rabtiet bejn diversi lokalitajiet, għaqdiet u individwi f’oqsma diversi.

Intant, il-President Taljan iltaqa’ mad-delegazzjoni ta’ kważi 80 MEP Taljan fil-Parlament Ewropew, kif ukoll ma ħaddiema u żgħażagħ li qed jagħmlu esperjenza ta’ xogħol fl-istituzzjoni Ewropea.