Lokali Qorti

Il-prosekuzzjoni għalqet il-provi; id-difiża tiddikjara li l-akkużati mhumiex se jixhdu

Ritratt: Martin Agius

Wara x-xhieda fit-tul tal-investigatur ewlieni l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud matul il-jiem tal-Erbgħa u l-Ħamis il-prosekuzzjoni infurmat lill-Imħallef Edwina Grima li ma kienx baqgħalha iktar provi xi tressaq. Kienu 145 xhud li ressqet il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri li beda fil-25 ta’ April li għadda.

Sadanittant, id-difiża infurmat lill-Qorti li l-akkużati, kif għandhom id-dritt li jagħmlu, mhumex se jkunu qegħdin jixhdu fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, liema ġuri issa daħal fis-26 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015.

Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Wara li d-difiża qalet li l-akkużati ma kenux se jixhdu, hija bdiet titratta l-każ tagħha u ġġib argumenti għaliex il-ġurati m’għandhomx isibu ħtija. L-ewwel kliem tal-Avukat Alfred Abela li qed jidher għal Robert Agius kien li żgur li ħadd m’għandu jiġġustifika dawn iż-żewġ omiċidji.

L-Avukat Carmel Chircop kien missier, raġel miżżewweġ u bħalu avukat, filwaqt li Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista, imma iktar minn hekk kienet omm u mara miżżewwġa. Meta beda jitkellem fuq il-każ, l-Avukat Abela qal lill-ġurati li Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, mhux kredibbli, iżda dan li żvela mal-Pulizija kien biss għall-interessi personali tiegħu.

Huwa qal ukoll li Vince Muscat kien selettiv fix-xhieda tiegħu, u ta informazzjoni li tiffavorixxi n-naħa tiegħu tal-istorja. L-avukat talab lill-ġurati biex jippruvaw jinsew dak li semgħu fuq il-midja, u filwaqt li jifhem li “qed jagħmlu xogħolhom”, dejjem ikun hemm “ċertu sens ta’ sensazzjonaliżmu” fil-mod kif jirrappurtaw.

Huwa kompla jgħid li l-qtil ta’ persuna hija traġedja li ħadd m’għandu jissaporti, iżda l-istess jgħodd għal nies li huma akkużati inġustament. “Li tmur għand bint xi ħadd u tgħidilha li missierha qiegħed il-ħabs minħabba gidba ta’ xi ħadd hija traġedja wkoll,” Dr. Abela qal lill-ġurati.

L-Avukat Abela qal li l-interess ta’ Muscat kien biss li jieħu l-proklama. Fil-fatt huwa għamel dak kollu li seta’ biex jasal għal għanijiet tiegħu, biex imbagħad meta kien dahru mal-ħajt, dejjem wieġeb “ma niftakarx.”

L-Avukat Abela qal lill-ġurati li jekk għandhom xi dubju raġonevoli dwar il-ħtija tal-klijent tiegħu għandhom jilliberawh. Qal li f’elezzjoni ġenerali wieħed jista’ jiddispjaċih li vvota lil xi ħadd li ma laħaqx l-asspetattiva tiegħu u fl-elezzjoni ta’ wara jibdel il-vot. Imma l-ġuri differenti, dan il-vot minn naħa tal-ġurati huwa wieħed li jorbot għal dejjem.

Huwa qal li fil-ġuri hemm erba’ akkużati dak li jgħodd għal wieħed ma jgħoddx għal ieħor. Qiesu kulhadd qed jgħaddi ġuri b’mod individwali. L-Avukat Abela kompla jiskredita lil Muscat billi qal li l-investigatur Arnaud qal li kien kredibbli għaliex kien jaf ir-rotta fuq il-qtil tal-Avukat, għax kien jaf li nqatel b’revolver u fatti, oħra. L-Avukat qal lill-ġurati li bilfors Muscat kien jafhom dawn l-affarijiet, jekk hu kien mar fil-post tad-delitt u ammetta l-istess delitt.

Dr. Alfred Abela qal li Muscat spiċċa ġie kundannat 15-il sena ħabs fuq qtil ta’ żewġ persuni. Fuq tal-Avukat Cutajar ħa l-proklama filwaqt li t-terminu tal-ħabs ħadu biss fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan ifisser li fi ftit tas-snin oħra Muscat se jkun barra. “Tafu tmorru tieħdu kafe x’imkien, u ssibuh ħdejkhom. Persuna li wettaq żewġ omiċidji,” qal l-Avukat Abela lill-ġurati.

L-Avukat Abela qal ukoll li m’hemm l-ebda evidenza li torbot lil Robert Agius mad-delitt. Huwa qal ukolllill-ġurati li jeħtieġ li jkunu konvinti mix-xhieda ta’ Muscat jekk iridu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq dak li qal.

L-avukat tad-difiża kompla jenfasizza l-punt li dak li qal Vince Muscat ma jagħmilx sens. Huwa juża x-xhieda preċedenti ta’ Muscat meta qal li ħa lil Robert Agius miegħu fil-Birgu Waterfront biex jurih min hu Carmel Chircop.

“Kif jagħmel sens dan?” jgħid lill-ġurati. Huwa jinsisti li huwa impossibbli li ma tiftakarx ċerti affarijiet: “Kif tista’ tinsa min saq u minn fejn għaddejt? Kif tinsa dawn l-affarijiet?” L-avukat tad-difiża mbagħad idawwar l-attenzjoni tiegħu lejn ix-xena tad-delitt tal-qtil ta’ Carmel Chircop.

Jiddubita it-trajettorja tal-balla

Dr. Abela jirreferi għal dokument, li juri karozza Mercedes li kienet ta’ Carmel Chircop, u jispjega li l-balla baqgħet għaddejja mill-karozza.

Huwa spjega lil dawk li sparaw l-arma, sparawha f’angolu u mbagħad iżid: “jekk wieħed iħares lejn il-bieb tal-garaxx, kieku l-balla għaddiet dritta allura kienet tolqot il-Mercedes min-naħa l-oħra.” Huwa kompla jiddeskrivi x-xena tad-delitt u jgħid li l-mod kif Vince Muscat iddeskriva l-isparatura “ma jagħmilx sens”

L-Avukat Abela qal li lanqas jagħmel sens dak li qal Muscat li Jamie Vella inġieb viċin l-Avukat Chircop biex sparalu meta l-balla li daħlet mill-bieb tal-garaxx minn angolu baxx, u li t-trajettorja tagħha ma treġix minn fejn kien sparat it-tir, skond Muscat.

Waqt it-tratazzjoni tal-Avukat Abela l-ġurati bdew jintwerew għal darba oħra r-ritratti tal-Avukat Carmel Chircop bla ħajja mitfugħ minn tulu fl-art u bla ħajja. Qal li anke fuq il-flus li ħa “Il-Koħħu” huwa ta’ verżjonijiet differenti, dwar kemm tħallas jew kemm suppost kellu suppost jitħallas.

L-Avukat Abela qal li lanqas li biex ma jitħallasx id-dejn sar il-qtil. Dan għaliex id-dejn jibqa’ jintiret u dan irid jitħallas xorta lil eredi. F’dan il-każ kien ried jitħallas lil mara u kieku ma kienx hemm il-mara idur fuq it-tfal. Dan ifisser li d-dejn ma jinħafer qatt.

L-Avukat Abela saħaq diversi drabi mal-ġurija li skont il-liġi, kwalunkwe dubju li jkollhom irid ikun favur il-klijent tiegħu. Filwaqt li kompla jtambar li x-xhieda ta’ Vince Muscat ma kinitx vera, huwa jgħid li l-Koħħu tefa’ t-tort fuq Robert Agius għax il-persuna li fil-fatt għandha tiffaċċja l-akkużi hija ħabib ta’ Muscat. “Mhux se jikxef lil ħabibu hux,” qal l-avukat lill-ġurati.

L-Avukat Abela qal li l-klijent tiegħu kellu jagħti ħafna flus. Allura dan qabad u ta 20,000 ewro lil Muscat biex iwettaq id-delitt, meta l-istess Muscat kien biss mar dawra bil-karozza sa Birkirkara. Kien iħallas dawk il-flus kollha biex jixtri dgħajsa lid-Degiorgio? Kien iktar jagħmel sens li kieku beda jaqta’ d-dejn, meta skont ukoll kif irriżulta dan lanqas biss kellu flus.

L-Avukat Abela tkellem dwar il-fatt li Vince saħansitra lanqas jaf kemm tħallas eżatt. “Jgħid li xejn mhu importanti, allura xejn mhu importanti għalih?” Kif wieħed jista’ jifhem din it-teżi? Abela tenna lill-ġurija li ħadd ma allega li Robert Agius kien fil-karozza, jew li ġab arma tan-nar fuq il-post tad-delitt. Saru żewġ allegazzjonijiet biss – waħda dwar il-flus u l-oħra li qagħad għassa għal avukat Chircop.

Huwa jiddubita wkoll x’fatti ġodda ġab Vince Muscat fil-każ, fejn qal li “kulħadd kien jaf” fejn seħħ il-qtil, jew fejn kien jgħix Robert Agius.

L-avukat Alfred Abela jittratta l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, Dr. Abela jgħid li fil-qorti ntqalu sitt verżjonijiet differenti dwar kif twettaq il-qtil. Huwa jirrimarka li l-unika ħaġa li jimpurtah minnha hija x’qed jingħad dwar il-klijent tiegħu, Robert Agius.

Huwa jtenni li fil-każ ta’ Caruana Galizia “għandna l-verżjoni tal-2018, il-verżjoni tal-2020, stqarrija quddiem imħallef, xhieda f’dan il-ġuri u xhieda li xehdu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza. Vince Muscat qal li George Degiorgio qallu li tkellem ma’ Robert Agius u Jamie Vella biex isibulu garaxx.

“Jekk se nemmnu dawn l-istqarrijiet, allura l-unika ħaġa li hemm x’temmnu hija li kienet biss li staqsa dwar garaxx. Huwa jenfasizza wkoll il-punt li anke meta ġie mistoqsi min ħa ċ-ċwievet, Muscat wieġeb billi qal li kien George,” jgħid l-avukat. “Dan jirriżulta mill-fatt li Robert Agius lanqas biss kien jaf għal xiex kien se jintuża dan il-garaxx.” Il-ġuri jkompli s-Sibt fid-9am.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.