Lokali

IL-QASMA FIL-LABOUR: It-tmexxija tal-PL imeru lil xulxin dwar il-Palestina

F’dawn l-aħħar xhur rajna diversi sitwazzjonijiet fejn membri mit-tmexxija tal-Partit Laburista spiċċaw imeru lil xulxin fil-pubbliku.

L-aħħar waħda seħħet jumejn ilu, meta minkejja li Ian Borg u Robert Abela għamluha ċara li ma jixtiqux li Malta tirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan, bl-iskuża li għadu mhux iż-żmien opportun biex dan iseħħ, ħareġ fuq il-mezzi soċjali d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, u qabel ma’ dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista; li Malta għandha tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan immedjatament.

Nies viċin il-Partit Laburista tkellmu ma’ In-Nazzjon, u qalu li Ian Borg u t-tim tiegħu huma rrabjati ħafna b’din id-dikjarazzjoni ta’ Agius Saliba, u qed iqisuha bħala mossa apposta biex timmina lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin.

Din mhux l-ewwel darba li Alex Agius Saliba pprova jimmina lil Abela u Borg, speċjalment fuq affarijiet ta’ natura ta’ sigurtà nazzjonali u affarijiet barranin. Kien għamel l-istess fuq in-newtralità u l-investiment fid-Difiża, fejn wara li Robert Abela kien għamel ‘u-turn’ u qal li wasal iż-żmien li niddiskutu n-newtralità bħala pajjiż, malajr ħareġ Agius Saliba u qal li hu ma jaqbilx ma’ dak li kien qed jgħid il-Mexxej tiegħu.

Dawk viċin il-Partit Laburista qalu li din il-pika bejn Agius Saliba u l-kumplament tat-tmexxija tal-Labour ġejja mill-fatt li kemm Agius Saliba kif ukoll Ian Borg huma interessati fil-post ta’ Robert Abela, u t-tnejn li huma qed jimbuttaw lin-nies tagħhom fil-karigi kollha tal-partit u tal-Gvern, biex mingħalihom ikollhom iktar kontroll fuq dak li jkun qed jagħmel il-Gvern, bit-tnejn li huma jimminaw lil xulxin u lil Abela apertament fil-proċess.

Fil-Parlament, Edward Zammit Lewis qal li dikjarazzjoni mill-Gvern ma tiswa għal xejn, f’botta ċara lejn Agius Saliba.