Internazzjonali

Ministru Ġappuniż jirriżenja wara li qal li matul ħajtu qatt ma xtara ross

Il-Ministru għall-Agrikultura Ġappuniż Taku Eto jitfa’ r-riżenja tiegħu wara li f’kumment preċedenti saħaq li matul ħajtu qatt ma xtara u mhux ser ikollu għalfejn jixtri ross – ikel tradizzjonali Ġappuniż u Asjatiku.

Dawn il-kummenti ġabu magħhom baraxx ta’ kritika fil-konfront tal-Ministru, b’riżultat li Eto spiċċa rriżenja mill-kariga.

Dan anke wara li bosta saħqu li bħala Ministru tal-Agrikultura missu mhux biss jixtri r-ross iżda jippromwovi kemm jista’ dan il-prodott lokali. Dan apparti kritika fil-konfront tiegħu minn uħud li qed ibatu minn problemi finanzjarji – tant li jsibuha diffiċli jixtru xi ħaġa bażika bħalma hu r-ross.

Intant, il-partiti fl-Oppożizzjoni fil-Ġappun mistennija jressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Membru Parlamentari Ġappuniż. Madanakollu issa l-Eks Ministru Taku Eto skuża ruħu mal-poplu Ġappuniż u sostna li qatt ma kellu l-intenzjoni li jew ikasbar prodott lokali jew li jiżżufjetta b’nies li ma jaffordjawx jixtru r-ross.