Opinjoni

OPINJONI: L-isplużjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà

Rapport pubblikat minn Grant Thornton u Dahlia sab li l-proprjetà mill-2013 sal-lum għoliet b’125 fil-mija. Appartament li fl-2013 kien jiswa €150,000 biex tixtrih illum jiswa €337,500. Daqqa t’għajn lejn it-tabella li qed tidher ma’ din il-kitba, meħuda minn ċifri pubblikati mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, tindika li għal tliet xhur wara tliet xhur mil-2014 lil hawn il-prezz tal-proprjetà f’pajjiżna tela’ dejjem. Bl-akbar żieda, dik ta’ 8.6 fil-mija tkun fit-tielet kwart tal-2015. Filwaqt li l-prezz tal-proprjetà sploda, dan żgur m’għamlitx tajjeb għalih iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li fl-aħħar tnax-il sena kienet ta’ 25 fil-mija li f’ħafna każi trid taqta’ minnha t-taxxa fuq id-dħul. Iż-żieda fil-pagi anki jekk tingħata sħiħa tagħmel tajjeb biss għal wieħed minn ħamsa taż-żieda fil-prezz tal-proprjetà.

minn Joe M. Zahra

Meta nitkellmu dwar żieda fil-prezz tal-proprjetà ħafna jgħidulek li din taffetwa biss 20 fil-mija tal-popolazzjoni għaliex 80 fil-mija għandhom id-dar fejn joqogħdu tagħhom. 20 fil-mija tal-popolazzjoni lokali hija iktar minn 100,000 Malti u Għawdxi. Barra minn hekk minn dawk it-80 fil-mija hemm għexieren ta’ eluf li d-dar għadha mhix tagħhom għax għadhom iħallsu fuqha.
Għadhom iħallsu kull xahar, u għal ħafna jibqgħu jħallsu kull xahar sakemm joħorġu bil-pensjoni. U meta l-post fejn ikunu jsir tagħhom isibu li jkun swielhom iktar mid-doppju ta’ dak li jkunu xtrawh.

Il-pjaga tal-kirjiet
Għal dawk li ma jaffordawx jibnu, għal dawk li bil-pagi li jkollhom ma jikkwalifikawx għal self mill-banek, dawn jispiċċaw jikru. Iżda anki hawn is-sitwazzjoni xejn mhi waħda feliċi. Għalkemm il-kera jirriżulta li mhix togħla bl-istess rata tax-xiri xorta hija ferm għola miż-żieda li tingħata. Il-kera mill-2013 lil hawn għoliet b’71 fil-mija.
Lura għax-xiri. Iċ-ċifri pubblikati xejn ma huma inkoraġġanti għal min ikun irid jixtri l-ewwel dar tiegħu. Niftakar lil Robert Abela jgħid li n-nefqa fuq il-kera m’għandiex tkun iżjed minn 30 fil-mija ta’ dak li taqla’. Jake Azzopardi, CEO tal-Foundation For Affordable Housing; kien rappurtat mit-Times of Malta tal-Erbgħa 14 ta’ Mejju li qal li tipikament nikkunsidraw li tonfoq iktar minn 30 fil-mija tas-salarju tiegħek fuq il-kera bħala piż żejjed. “Is-sena li għaddiet, f’Malta konna 50 fil-mija.”
Hu argumenta li din iż-żieda hija mbuttata minn diversi fatturi li jvarjaw minn spekulazzjoni rabbjuża, mis-settur bankarju li jinċentiva dan il-mudell, għal min iħaddem li jkollhom jgħollu l-pagi. L-ispekulazzjoni wasslet biex tgħolli l-prezz tal-proprjetà u hija ta’ piż qawwi fuq dawk li se jixtru għall-ewwel darba.
X’qed iwassal għal dan kollu? L-ewwel u qabel kollox hija ż-żieda bla kontroll u bla pjan tal-popolazzjoni. Ma tistax iżżid il-popolazzjoni b’madwar 150,000 u ma tiħux il-passi biex tara li dawn ikollhom fejn joqogħdu mingħajr ma jġibu pressjoni fuq is-suq tal-proprjetà u tal-kiri.

It-turiżmu tal-massa
It-tieni raġuni hija t-turiżmu tal-massa fejn ħafna minn dawk li qed iżuru pajjiżna jiġu biex jieħdu vaganza bl-inqas prezz possibbli u għalhekk joqogħdu f’appartamenti li kieku setgħu jinkrew għall-Maltin u l-Għawdxin. Veru meta ngħidu turiżmu tal-kwantità u mhux tal-kwalità!
Dan kollu qed ipoġġi pressjoni b’mod speċjali fuq iż-żgħażagħ tagħna li qed ibatu biex jibnu jew jikru u għalhekk qed jipposponu li jieħdu l-istat tagħhom. B’riperkussjonijiet fuq ir-rata ta’ twelidijiet li hija fost l-iktar baxxi jekk ukoll mhux l-iktar baxxa fl-Ewropa u fid-dinja.
Il-Gvern, li ħoloq din il-ħerba kollha bin-nuqqas ta’ politika f’kull qasam, huwa l-iktar responsabbli għal din is-sitwazzjoni. Anki għall-fatt li huwa ’l bogħod milli jipprovdi akkomodazzjoni bi prezzijiet affordabbli. Dejjem jgħid x’se jagħmel u meta niġu għall-fatti nsibu li sar ftit wisq.
X’inhi s-soluzzjoni għal dan kollu? F’konferenza tal-aħbarijiet li għamlu x-Shadow minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għall-Familja Albert Buttigieg u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello dawn saħqu li din is-sitwazzjoni hija falliment dirett tal-politika tal-Gvern Laburista li fi tnax-il sena qatt ma ħa l-passi meħtieġa biex jindirizza b’mod serju l-problema tal-affordabbiltà tal-proprjetà.

Miżuri mill-PN fil-Gvern
Filwaqt li tennew li l-Partit Nazzjonalista jemmen li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal dar xierqa u affordabbli, ħabbru diversi miżuri li fassal il-PN biex kulħadd jasal għal dan il-għan. Dawn jinkludu:
• Għotjiet u skemi ta’ għajnuna għal min ikun qed jixtri l-ewwel dar;
• Tnaqqis ta’ taxxi fuq ix-xiri ta’ proprjetà għal min ikun għadu taħt ċerta età;
• Skemi ta’ self b’rati aktar favorevoli għall-ewwel xiri;
• Pjani biex jinħolqu aktar proprjetajiet affordabbli f’zoni apposta għall-ewwel xiri;
• Għotja ta’ €25,000 lil dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
• Kollaborazzjoni mal-banek biex jipprovdu self b’rati aktar favorevoli u f’termini aktar flessibbli għal min qed jixtri l-ewwel proprjetà;
• Titneħħa jew titnaqqas drastikament it-taxxa fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
• Ikuni identifikati artijiet pubbliċi biex jinbnew zoni apposta għal proprjetà affordabbli li tkun immirata għal dawk li qed ifittxu l-ewwel dar tagħhom.
Dawn huma miżuri li jgħinu liż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-ewwel dar tagħhom. Xi ħaġa li llum ma jistax ikollhom.
Minbarra dawn il-miżuri intiżi għaż-żgħażagħ xtaqt inżid xi ħaġa maħsuba għall-anzjani. B’ħafna anzjani jsibuha diffiċli jgħixu weħidhom, b’nuqqas ta’ djar għall-anzjani fejn jitpoġġew mijiet minnhom, nissuġerixxi li f’kull lokalità l-Gvern isib proprjetajiet mitluqa li jixtri u jibdilhom f’appartamenti żgħar ta’ kamra tas-sodda waħda u bl-amenitajiet kollha meħtieġa fejn l-anzjani jkunu jistgħu jqattgħu l-aħħar snin ta’ ħajjithom fil-kumdità u fiċ-ċentru tal-lokalità fejn trabbew u għexu.
Fejn tidħol il-proprjetà u l-kera hemm ħafna xi jsir, iżda biex dan iseħħ irid ikun hemm ir-rieda, għax mingħajr rieda ma jsir xejn.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 23 ta’ Mejju, 2025.