Kummerċ Lokali

Ragusa Xpress tniedi l-vjaġġ inawgurali b’ġest nobbli u ta’ qalb kbira

L-ewwel vjaġġ uffiċjali tar-Ragusa Xpress, servizz ġdid ta’ catamaran li jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija, sar is-Sibt li għadda, 17 ta’ Mejju.

B’ġest mill-isbaħ, Paul Gauci, sid tar-Ragusa Xpress, negozjant u filantropu lokali, irriserva dan l-ewwel vjaġġ lil tfal u familji fil-bżonn, u offrielhom jum mimli ferħ u memorji sbieħ fi Sqallija.

Il-ġurnata bdiet kmieni ħafna għal dawn in-nies li waslu fit-terminal tal-Valletta Waterfront fis-6:30am. Wara l-proċess ta’ check-in, il-vapur San Giorgio telaq minn Malta fis-8am u wasal f’Marina di Ragusa fl-10am.

Wara l-wasla, il-grupp żar il-belt barokka affaxxinanti ta’ Ragusa Ibla, fejn qattgħu n-nofstanhar ta’ filgħodu jiskopru t-toroq, il-pjazez storiċi u l-arkitettura pittoreska. It-tfal gawdew mixjiet iggwidati fil-parti l-antika tal-belt b’waqfiet rikreattivi u għal ritratti quddiem siti ikonici.

Wara ż-żjara kulturali, dawn it-tfal flimkien mal-familji tagħhom reġgħu telgħu abbord il-catamaran fejn saret ikla apposta għalihom b’veduti panoramiċi tal-kosta ta’ Sqallija li żiedu mal-esperjenza rilassanti ta’ din il-gurnata.

Aktar tard waranofsinhar, il-grupp kellu ċ-ċans li jqatta’ ftit ħin ta’ rilassament f’Marina di Ragusa fejn kien hemm min mar għal xi passiġġata max-xatt, b’oħrajn jippreferu joqogħdu fuq il-bajja mqaddsa li hemm f’dan il-post jew igawdu ftit mistrieħ taħt ix-xemx. Il-vjaġġ lura lejn Malta beda fil-17:00, b’kulħadd jerġa’ jitla’ abbord is-San Giorgio.

Dan il-vjaġġ sar b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation, u l-grupp kien milqugħ fit-terminal ta’ Malta mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi din il-Fondazzjoni. Hija kkummentat dwar l-inizjattiva billi qalet: “Din kienet ġest sabiħ ħafna mis-Sur Gauci li ġab ferħ u ta dinjità lil tfal u familji li spiss jiffaċċjaw sfidi kbar. Huwa eżempju ċar ta’ kif is-settur privat jista’ jagħmel differenza vera fil-ħajja tan-nies.”

Ir-Ragusa Xpress bdiet topera servizzi regolari bejn Malta u Sqallija kull nhar ta’ Erbgħa, Ġimgħa, Sibt u Ħadd, bit-tluq mill-Valletta Waterfront u jasal f’Marina di Ragusa.

Dan l-ewwel vjaġġ mhux biss immarka l-bidu ta’ rotta ġdida ta’ vjaġġar, iżda wera wkoll l-ispirtu ta’ ġenerożità u komunità li jinsab fil-qalba ta’ din l-inizjattiva.