Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Gvern ta’ Trump jipprojbixxi lill-Università ta’ Harvard milli tirreġistra aktar studenti barranin

 

Eluf ta’ studenti barranin li qed jittamaw li jiggradwaw mill-università prestiġjuża ta’ Harvard huma ansjużi ħafna dwar il-futur tagħhom wara li spiċċaw vittmi ta’ logħba politika.

Dan fi żmien meta l-Amministrazzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, qed twettaq battalja dejjem aktar intensiva mat-Tmexxija ta’ Harvard… Università li, minbarra li hi l-aktar waħda antika fl-Istati Uniti, hi wkoll l-aktar istituzzjoni tat-tagħlim li tgawdi rikonoxximent internazzjonali, flimkien mal-Universitajiet ta’ Oxford u Cambridge, fl-Ingilterra.

Il-Gvern ta’ Trump, fl-aħħar sigħat, irtira l-liċenzja tal-Università ta’ Harvard biex tilqa’ lill-istudenti internazzjonali għas-sena akkademika li jmiss. Il-Gvern Amerikan, fl-istess ħin, qed jinsisti li dan hu neċessarju biex jaċċerta li l-Università ma tippermettix stil ta’ tagħlim li jmur kontra l-valuri tradizzjonali tal-Amerikani filwaqt li telimina  kull forma ta’ liberaliżmu u attivitajiet politiċi b’simpatiji max-xellug.

Numru ta’ sorsi u esperti barranin, intant, qed jikkundannaw l-aħħar pass mill-Gvern Amerikan li, fi kliemhom, qed  jipprova joħnoq il-ħsieb liberu li dejjem ifforma l-bażi tat-tagħlim fl-Università ta’ Harvard. Oħrajn qalu li Donald Trump qed jissikka l-morsa fuq l-ogħla istituzzjonijiet tat-tagħlim fl-Istati Uniti b’sens qawwi ta’ vendikazzjoni.

Ftit qabel morna għall-istampa, it-Tmexxija ta’ Harvard ressqet rikors kontra l-Gvern f’qorti ewlenija ta’ Boston — fost l-enfasi li l-azzjonijiet (tal-Gvern) fil-konfront tal-università qed jikkostitwixxu abbuż sfaċċat tal-liġi.

Il-Gvern ta’ Turmp sostna wkoll, intant, li eluf ta’ studenti li fil-preżent qed jattendu għal-lectures u s-seminars fl-Università ta’ Harvard, issa, jeħtieġu li jittrasferixxu lejn universitajiet oħrajn inkella jitilqu mill-Istati Uniti.

U d-Dipartiment Amerikan għas-Sigurtà Domestika (Homeland Security) ħareġ stqarrija biex jenfasizza li l-Gvernaturi ta’ Harvard, minbarra li mhumiex permessi biex idaħħlu aktar studenti barranin, iridu jaċċertaw ‘li l-istudenti barranin diġà rreġistrati ma’ din l-università jkomplu t-tagħlim f’universitajiet oħrajn aktar xierqa għalihom biex huma ma jitilfux l-istatus legali’.

L-istess Dipartiment sostna li l-amministraturi ta’ Harvard għalqu għajnejhom għal ambjent nieqes mis-sigurtà fuq il-kampus. Akkuża oħra sostniet li l-amministraturi permettew biex ‘elementi anti-Amerikani li huma wkoll favur it-terroriżmu jattakkaw lill-istudenti Lhud fl-istess kwartieri tal-università’.

Fil-preżent hemm mas-6,800 student internazzjonali reġistrati għall-programmi tal-ogħla edukazzjoni f’Harvard, li tinsab f’Cambridge, fl-Istat ta’ Massachusetts,. Dawn l-istudenti, fl-istess ħin, jirrappreżentaw aktar minn kwart tal-popolazzjoni totali tal-istudenti fl-università inkwistjoni – u meta l-maġġoranza, li ġejjin minn xi 100 pajjiż differenti, qed jittamaw li jiggradwaw f’numru ta’ professjonijet

L-Amministrazzjoni ta’ Harvard, sadanittant, qed tfisser il-kampanja tal-Gvern kontra tagħha bħala wieħed illegali u forma ta’ rikatt…Kampanja li, fl-aħħar ġimgħat, wasslet biex universitajiet Amerikani oħrajn, inkluża l-Università ta’ Columbia, iċedu għal diversi konċessjonijiet skont ir-rieda ta’ Trump.

Din l-Amministrazzjoni  sostniet li l-politika tal-Gvern fil-konfront ta’ Harvard u universitajiet oħrajn għandha tħalli impatt ħażin ħafna għall-komunitajiet universitarji u l-futur tal-Istati Uniti. Dan waqt li numru ta’ kelliema, li xtaqu jibqgħu anonimi, qalu li l-aġir ta’ Trump bilfors li se jdgħajjef sew il-missjoni akkademika ta’ Harvard u l-impenji tagħha biex tkattar ir-riċerka fl-aktar oqsma ta’ benefiċċju lill-bniedem.

Il-konflitt bejn il-Gvern ta’ Trump u l-Università ta’ Harvard ilu jeskala mindu din l-università saret l-ewwel istituzzjoni edukattiva li sfidat bl-apert it-talbiet tal-White House biex l-iskejjel, il-kulleġġi u l-universitajiet jibdlu l-kurrikulu li – fi kliem il-Gvern — jipprovdi bażi għal-liberaliżmu u l-anti-semitiżmu.

Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Istati Uniti naqqas il-grants federali lil Harvard bl-ekwivalenti ta’ 2.4 biljun ewro u bir-riżultat li l-università, issa, qed ikollha tiffinanzja hi parti sinifikanti tal-attivitajiet għal riċerka estensiva. Dan waqt li Trump qed jgħid li x-xewqa tiegħu li li l-Università ta’ Harvard lanqas ma tkompli tgawdi mill-eżenzjoni tat-taxxa.

Min-naħa tagħha,  is-Segretarju Amerikan għas-Sigurtà Domestika, Kristi Noem, qalet li d-deċiżjoni biex l-istudenti barranin ikunu projbiti minn Harvard għas-sena akkademika l-ġdida hi relatata mal-fatt li l-università, ix-xahar li għadda, ma rispettatx talba uffiċjali biex tipprovdi lill-Gvern bl-informazzjoni preċiża dwar dawn l-istudenti.