Lokali Qorti

Taljan jibda għaddej ġuri fuq attentat ta’ qtil

Daniele Vitale, Sqalli ta’ 29 sena, beda jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li fih qed ikun mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Taljana. L-inċident imur lura għad-29 ta’ Settembru 2018 f’appartament f’San Ġiljan, u dan meta allegatament il-vittma kien rieqed. Vitale huwa minn Palermo.

Fi stadju tal-kump;ilazzjoni il-vittma kien qal li fl-aħħar xhur ta’ qabel l-inċident, huwa kien qed jaqsam appartament ma tliet irġiel oħra, fosthom l-akkużat, li kemm il-darba kien jistieden lil ħbieb tiegħu fl-appartament.

Il-vittma kien qal li ma kien l-ebda argumenti bejniethom, ħlief fuq xi oġġetti relatati mat-tindif. Tenna li lejliet l-inċident kien għadu kemm irritorna mill-Italja u wara li kien mar biex jixtri pizza minn stabbiliment fejn kien jaħdem Vitale, kien mar lura d-dar u daħal jorqod.

Il-prosekuzzjoni qed tgġid li fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu l-vittma kien mar l-għassa tal-Pulizija jgħajjat għall-għajnuna. Il-pulizija nnutaw li kien mimli demm u li kellju ferita kbira f’żaqqu, tant li l-intern kien qed jisporġi ‘l barra.

Meta ttieħed l-isptar kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt, u ġie operat darbtejn. Huwa kellu daqqiet fil-fwied u fis-sider, kif ukoll daqqiet fondi fil-polz u l-pala ta’ jdejh. Minn informazzjoni li kisbu l-investigaturi dwar il-każ – ir-raġuni għal dan l-attakk kienet li l-vittma ma kienx għen lill-akkużat biex jirranġa mat-tfajla tiegħu.

Il-vittma qal lill-pulizija li kien ilu jgħix Malta sitt xhur. Qal li l-akkużat kien beda jdejqu u hu qallu jħallih bi kwietu ħa jistrieħ. Iktar tard ra l-bieb tal-kamra jinfetaħ u dawl tal-mobile riesaq lejh, u kien hawn li qala’ l-ewwel daqqa ta’ sikkina.

Huwa qal li qam u pprova jiddefendi ruħu, fejn beda jilqa’ bil-board tal-ħadida tal-mogħdija, iżda l-akkużat kompla jagħtih bis-sikkina. Ħin minnhom irnexxielu jitfa’ lill-akkużat mal-art u ħarab mill-appartament, fejn ġie wiċċ imbwiċċ mal-ħabiba tal-akkużat.

Il-vittma qal li l-ħabib tiegħu Basile qal li jidher li kien taħt l-influwenza tad-drogi. “Ma kinitx l-ewwel darba u naf kif inhu.”

“Meta kien ġie lura d-dar Daniele, fetaħ il-bieb tal-kamra tas-sodda tiegħi u qalli ‘t-tfajla tiegħi ġejja d-dar’… Jien għedtlu ‘Daniele agħmel li trid imma ħallini norqod.’”

“Ġie lura t-tieni darba u qalli ‘il-bouncers keċċewni ’l barra u seraqni 100 ewro.’ Għedtlu ‘Daniele, ma jimpurtax, ħallini norqod.’”

Il-verżjoni tal-vittma kienet ikkonfermata, fost oħrajn, mill-oġġetti li sabu l-pulizija fl-appartament, fosthom sikkina mimlija demm tal-vittma. Il-ġuri qed isir fl-awla numru 29 tal-Qorti. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jirrappreżentaw lil Vitale.