Lokali Qorti

Tliet snin ħabs wara li ta n-nar vettura u kkawża ħsarat oħra

Raġel ta’ 31 sena ġie kundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li ta n-nar fuq vettura fil-Belt Valletta. Huwa ammetta wkoll li bl-għemil tiegħu wettaq ukoll ħsara fi propjetà ta’ lukanda. Christopher Ryan, li qal li jaħdem bħala kok, ammetta li wettaq dan ir-reat sbieħ il-11 ta’ Marzu li għadda, fi Triq il-Lvant.

Minbarra l-piena ta’ ħabs il-Maġistrat Gabriella Vella ordnatlu jħallas €5,000 lil sid il-karozza li ngħatat in-nar u €719 lil-lukanda fejn kienet ipparkjata l-karozza u li wkoll sofriet xi ħsarat. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal sena biex la jdejjaq lil sid il-karozza u lanqas lil xi rappreżentant tal-istess lukanda.

Filmati li qed jiġru fuq il-midja soċjali wrew Ford Ranger tieħu n-nar. Christopher Ryan, ammetta li wettaq ħruq intenzjonat ta’ vettura ħdejn lukanda, kif ukoll ta’ vettura Toyota pparkjata fil-qrib. Waqt li xehed waqt il-proċedimenti, l-Ispettur tal-Pulizija Shaun Pawney qal li rapport dwar il-vettura li ħadet in-nar wasal fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Huwa qal li n-nar infirex għal maħżen fil-qrib, li min-naħa tiegħu kien qrib residenzi privati. Il-ħati kien ġie arrestat mid-dar tiegħu fi Triq il-Merkanti, il-Belt.