Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li qed jirrakkmanda tariffa ta’ 50 fil-mija fuq il-prodotti kollha li pajjiżu jimporta mill-Unjoni Ewropea.
Trump sostna li t-tariffi ġodda se jidħlu fis-seħħ sa mill-1 ta’ Ġunju, fost l-istqarrija li t-taħditiet ekonomiċi mal-Ewropa mhuma qed iwasslu mkien.
Sadanittant, l-Ewropa qed tlesti għal eskalazzjoni sostanzjali fil-gwerra tat-tariffi li qed jinsisti biha Trump…President li qed ikun ferm imprevedibbli fid-deċiżjonijiet tiegħu.
L-aħħar żviluppi qed isegwu d-direttiva oriġinali ta’ Trump għall-impożizzjoni ta’ tariffi, ekwivalenti għal 20 fil-mija, għall-parti kbira tal-prodotti li l-Istati Uniti timporta mill-pajjiżi tal-Ewropa. Hu, imbagħad, iddeċieda biex din it-tariffa tonqos għal għaxra fil-mija sat-8 ta’ Lulju li ġej – dejjem ‘bil-ħsieb li jippermetti żmien għal taħditiet mar-Rappreżentanti tal-UE’.
Intant, il-President Trump qed jhedded ukoll li jimponi taxxa għall-importazzjoni tal-iPhones li mhumiex prodotti fl-Istati Uniti u li għandha tkun ekwivalenti għal talanqas 25 fil-mija. Hu qal li dejjem kienet ix-xewqa tiegħu li l-iPhones li jinbiegħu fl-Istati Uniti jkunu manifatturati f’pajjiżu ‘u mhux fl-Indja jew f’xi pajjiż Ewropew’.
Trump kompla li jekk dan ma jkunx il-każ, il-kumpannija Apple tkun trid tħallas tariffa ta’ mill-anqas 25 fil-mija lill-Istati Uniti.
Mindu assuma r-responsabbiltajiet ta’ President, Donald Trump ma waqafx milli jhedded diversi tariffi għall-pajjiżi tad-dinja, bħala politika intiża bniex tistimola s-settur tal-manifattura fl-Istati Uniti. Dan ukoll meta l-Gvern Amerikan irid jipproteġi l-impjiegi tal-Amerikani mill-kompetizzjoni barranija.
Il-prospett tat-tariffi jerġa’ ogħla għall-prodotti impurtati mill-Istati Uniti qed iħasseb bil-kbir lill-Mexxejja tad-dinja – u mhux biss dawk fl-Ewropa,. Dan għaliex tariffi daqstant għoljin bilfors li jagħmluha ferm aktar diffiċli — jekk mhux impossibbli — għall-kumpanniji barra l-Istati Uniti biex ibiegħu l-prodotti tagħhom lill-akbar ekonomija tad-dinja.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, irrepeta li l-Unjoni Ewropea ‘kienet twaqqfet bl-iskop ewlieni li tieħu vantaġġ mill-Istati Uniti fid-diversi oqsma kummerċjali’. Hu enfasizza li qed isibha diffiċli ferm biex, fiċ-ċirkustanzi, jiffinalizza l-ftehim kummerċjali mal-Ewropa u li ‘it-taħditiet, s’issa, daħlu fi sqaq’.
Skont l-esperti tal-Gvern Amerikan, l-esportazzjoni tal-prodotti mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni Ewreopea, is-sena l-oħra, kienet ekwivalenti għal aktar minn 370 biljun dollaru…Dan waqt li l-Istati Uniti xtrat il-prodotti ekwivalenti għal aktar minn 605 biljun dollaru minħand il-grupp tal-pajjiżi Ewropej.
//= $special ?>