minn Charles Camenzuli
Wara proċess ta’ għażla li għalih ipparteċipaw 1,238 ċittadin, intgħażel l-isem tal-maskot uffiċjali tal-20 Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa fejn se jissemma’ Valiret, li kiseb 594 vot fil-konfront ta’ Tric b’449 vot, Tascó b’146 vot u Urrell b’49 vot.
L-isem Valiret huwa ispirat mix-xmajjar li jaqsmu Andorra, li jirrappreżentaw il-vitalità, is-saħħa u d-dinamiżmu tan-natura tal-pajjiż. Il-maskot irid jagħti ġieħ lil-Logħob tal-1991 u 2005 u lin-nies li għamluhom possibbli.
Tamarro Valiret kien ippreżentat uffiċjalment minn Alain Cabanes, is-Segretarju tal-Istat għaż-Żgħażagħ u l-Isport; u minn Anna Garcia, President tal-Kumitat Organizzattiv.
It-torċa Olimpika li se tintuża għal Logħob kienet iddisinjata mit-tim kreattiv Aymara u hija ispirata direttament mill-pajsaġġ ta’ Andorra. Il-profil ta’ fuq juri s-siluwett ta’ Comapedrosa, l-ogħla quċċata f’Andorra.
€2 apposta għal-Logħob
Il-Kunsill tal-Ministri ta’ Andorra, fuq proposta tal-Ministru tal-Finanzi Ramon Lladós, approva ħruġ ta’ muniti tal-euro għal Andorra għaċ-ċirkolazzjoni.
Fosthom munita kommemorattiva b’rabta mal-20 Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa, li se jsiru f’Andorra mis-26 sal-31 ta’ Mejju, kif ukoll għall-avultun tal-barba, speċi emblematika tal-pajjiż li tinsab mhedda. Se jinħarġu 4,000 kopja tal-munita ta’ €2 tal-Logħob tal-istati ż-Żgħar tal-Ewropa li ġiet ikkummissjonata mill-Monnaie de Paris, fi Franza.
Bħalma hija tradizzjoni b’rabta ma’ kull edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, il-Kumitat Olimpiku Malti għamel ukoll il-‘pin’ uffiċjali fejn apparti l-emblema tal-KOM, tiġbor fiha kemm il-Logo uffiċjali tal-Logħob kif ukoll il-kliem ‘Games of the Small States of Europe’.
