Il-ġurnal awtorevoli Politico żvela kif il-Pulizija Belġjana kienet qed tissorvelja l-private box fl-istadium ta’ Anderlecht – l-istess stadium li fih l-MEP Laburista Daniel Attard kien preżenti għal partita futbol tal-Europa League f’Settembru li għadda, fejn propju tqajjem is-suġġett tal-Huawei. Bl-Ewroparlamentari tal-Labour, wara din il-logħba, spiċċa aċċetta l-istedina għal laqgħa mal-kumpanija Ċiniża Huawei.
Dan huwa l-aħħar żvilupp marbut ma’ din is-saga tal-Huawei, hekk kif qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Partit Laburista u fuq id-delegazzjoni tal-Labour fil-Parlament Ewropew. Tant li l-MEP Laburista Thomas Bajada għażel li jaħsel idejh minn dan l-iskandlu, u lanqas biss lissen kelma waħda dwar sieħbu.
Il-Pulizija Belġjana qed timxi fuq it-teżi li tal-Huawei provaw jinfluwenzaw lil bosta membri tal-Parlament Ewropew, fosthom lil Daniel Attard. B’riżultat li fl-aħħar jiem, il-Pulizija stess talbu li titneħħielu l-immunità Parlamentari.

Il-Politico qed jgħid li l-Pulizija għandhom recordings tal-laqgħat u d-diskursati li kienu involuti fihom dawn ir-rappreżentanti tal-Huawei.
L-akkuża hi li tal-Huawei kienu jużaw il-logħbiet Ewropej fl-istadium ta’ Anderlecht biex ċertu MEPs li kienu għadhom kif ġew eletti friski friski fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju “iħossuhom importanti”.
Dan l-iskandlu tal-Huawei kien ilu taħt il-lenti tal-midja internazzjonali sa minn Marzu, tant li kiteb anke dwaru l-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores. U huwa evidenti li Daniel Attard żammu mistur.
Intant, il-club Belġjan ta’ Andrelecht għadu kif waqqaf il-kirja li kellhom Huawei għal din il-private box.
//= $special ?>