Futbol Sport

ESKLUSSIVA | L-iskorer prolifku Arġentin, Federico Falcone isellem il-futbol milgħub

Federico Falcone jirtira mill-futbol milgħub
Federico Falcone jirtira mill-futbol milgħub

Jirtira wieħed mill-aqwa skorers barranin ta’ dan l-aħħar diċenju fil-futbol Malti

Forsi ftit kienu qed ibassru jew jafu li l-aħħar sekondi li daħal jilgħab Federico Falcone fil-partita ta’ nhar il-Ħadd li għadda kontra Birkirkara, fil-finali tal-Meridianbet FA Trophy, kienu se jkunu l-aħħar sekondi tiegħu tal-karriera tiegħu bħala plejer professjonali tal-futbol.

Net News hu infurmat li l-Arġentin ta’ 35 sena, ħa d-deċiżjoni li jirtira mill-futbol u b’hekk se jkun temm il-karriera tiegħu bil-kbir, bir-rebħ tat-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti ma’ Hibernians.

Ir-rebħ tal-FA Trophy, fisser ukoll li Falcone rebaħ l-ogħla żewġ unuri fil-futbol Malti, hekk kif dan it-trofew kien għadu nieqes mill-lista ta’ unuri li l-attakkant u skorer prolifiku rebaħ f’Malta. Falcone kien rebaħ ukoll il-Kampjonat Premier ma’ Valletta fl-istaġun 2015/16.

Federico Falcone jiċċelebra r-rebħ tal-aħħar unur tal-karriera tiegħu bħala plejer flimkien mal-mara u t-tfal tiegħu.

Falcone qatt ma rrnexxilu jirbaħ l-unur tal-aqwa skorer tal-Kampjonat Premier, pero fl-ewwel staġun tiegħu f’Malta, fl-2015/16 hu kien temm fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers, meta kien skorja total ta’ 16-il gowl; erba’ gowls anqas mir-rebbieħ tal-aqwa skorer f’dak l-istaġun, Mario Fontanella, dak iż-żmien meta kien jilgħab ma’ Floriana. Falcone kien skorja l-istess ammont ta’ gowls daqs Alfred Effiong, li f’dak l-istaġun kien ma’ Balzan.

Ironikament minn dawn it-tliet plejers, Effiong irtira diġa’, filwaqt li f’dawn l-aħħar xhur, Fontanella llu jissema’ li kien se jirritorna jilgħab f’Malta. Fontanella x-xahar li ġej jagħlaq 36 sena.

F’Malta, Falcone lagħab ma’ tliet klabbs differenti. Hu kien ġie l-ewwel bħala plejer ta’ Valletta, fejn qatta’ żewġ staġuni sħaħ jilgħab magħhom. Wara kien għamel żewġ staġuni assenti mill-futbol Malti fejn kien mar jilgħab għal ftit żmien fil-Malasja u wara saħansitra mar jilgħab fl-ogħla livell ta’ futbol fil-Portugall.

Fl-2019/20 hu kien irritorna Malta, iżda iffirma għall-ewwel darba ma’ Birkirkara. Mal-Istripes, Falcone qatta’ l-aktar żmien jilgħab f’pajjiżna, fejn għamel tliet staġuni u nofs jilgħab magħhom.

F’nofs l-istaġun 2023/24 u reġa’ issieħeb ma’ Valletta fejn dam jilgħab magħhom għal sena u nofs. Wara li sfortunatament għaliħ ġarrab id-diżappunt li kien parti mit-tim Belti li kien relegat għaċ-Challenge, fil-bidu tal-istaġun 2024/25, Falcone ssieħeb ma’ Hibernians. Dan kellu jkun l-aħħar staġun tiegħu f’Malta u tal-karriera tiegħu.

B’kollox hu lagħab 184 partita f’Malta, bejn Kampjonat Premier u FA Trophy, u skorja total ta’ 71 gowl. Fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, Falcone lagħab 170 partita u skorja 63 gowl.

Interessanti l-fatt li Falcone lagħab total ta’ 82 partita ma’ Birkirkara; logħba waħda biss aktar milli lagħab ma’ Valletta. Madankollu mal-Beltin, Falcone skorja bil-wisq aktar. Hu skorja 40 gowl ma’ Valletta u 28 gowl ma’ Birkirkara.

Ma’ Hibernians, matul dan l-istaġun, hu lagħab total ta’ 28 partita u skorja sitt gowls.

Federico Falcone jiċċelebra r-rebħ tal-Kampjonat Premier ma’ Valletta fit-tmiem tal-istaġun 2015/16

Matul il-karriera tiegħu ta’ plejer, Falcone kellu l-fortuna jilgħab ma’ wieħed mill-aktar timijiet ta’ suċċess li wieħed isib fil-Portugall, Boavista li dan l-istaġun sfaw relegati mill-Primeira Liga tal-pajjiż.

Falcone lagħab ukoll ma’ CA Newell’s Old Boys tal-Arġentina, Huachipato FC u Deportes La Serena taċ-Ċili, Desportivo Aves tal-Portugall u Terengganu FC tal-Malasja.