Għat-tieni darba f’ġimgħa, iċ-ċifri ppubblikati fl-aħħar sigħat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ikomplu juru l-piżijiet dejjem akbar li qed ikollhom iġorru ta’ kuljum il-Maltin.
Dan intqal fi stqarrijja mill-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo.
Filwaqt li f’April ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja żdiedet għal 2.4% minn 2.1% f’Marzu, jirriżulta li l-prezzijiet tal-ikel, tax-xorb u ta’ prodotti għall-kura personali – jiġifieri l-aktar affarijiet bażiċi – huma fost l-aktar li qed ikomplu jogħlew u ħafna qed jispiċċaw jissieltu biex jgħixu ħajja diċenti. Fil-fatt l-akbar żieda fil-prezzijiet kienet imkejla fl-indiċi tal-ikel.
Meta mqabbel mal-istess xahar sena ilu, l-għoli tal-ħajja żdied bi kważi punt perċentwali – minn 1.6% għal 2.4%.
Minflok jindirizza dan it-tħassib b’mod serju, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinjora s-sitwazzjoni u jkompli jħaddan mudell ekonomiku li jkompli jagħfas fuq il-familji u l-ħaddiema.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti – miżuri li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja.
Is-soluzzjonijiet li ressaq il-PN jinkludu li:
- titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqla’ l-ħaddiem mill-part-time u l-overtime;
- iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) ma tibqax taxxabbli;
- il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet;
- jinħoloq Fond Nazzjonali biex jappoġġja l-industriji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni;
- l-pajjiż jingħata direzzjoni ekonomika ġdida, ibbażata fuq setturi ġodda u impjiegi ta’ kwalità li jħallsu pagi aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jissielet għal politika li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u u li tqassam il-ġid b’mod ġust.
//= $special ?>