Lejlet il-bidu tal-20 edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li din is-sena se jsiru f’Andorra u se jkunu qed jiftħu uffiċjalment nhar it-Tnejn li ġej, il-President tal-Kumitat Olimpiku tal-Lussemburgu (COSL), Michel Knepper ħareġ jattakka lil Malta b’allegazzjoni li pajjiżna ““xtrat atleti” qabel il-bidu ta’ din l-edizzjoni, u sejjaħ din l-azzjoni bħala tradiment tal-ispirtu ta’ dan l-avveniment sportiv.
Knepper, esprima tħassib tiegħu dwar il-proċeduri adottati minn Malta fir-reklutaġġ tal-atleti li se jkunu qed jirrapreżentaw lil pajjiżna fl-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Andorra. L-akkuża ta’ Knepper m’hijix biss li Malta qed tixtri l-atleti iżda qed taċċellera l-mod ta’ kif jinħarġu ċ-ċittadinanzi lil dawn l-atleti. Dawn l-allegazzjonijiet, meqjusa serji u kontroversjali, saru minn Knepper qabel l-ewwel GSSE tiegħu fir-rwol ta’ President tal-COSL.
“Huwa ta’ dispjaċir li tara nazzjon bħal Malta, jixtri atleti billi jqassmu karti tal-identità biss għal dawn il-Logħob. Għamluha sentejn ilu, u apparentement, għadu jiġri”, qal Knepper.
Minkejja dan, fl-istess nifs, Knepper faħħar l-għaqda u s-solidarjetá ġenerali fost in-nazzjonijiet parteċipanti, u sejjħilha bħala “familja kbira”.
Knepper kompla jenfasizza li dawn il-Logħob għandhom jippromwovu l-isport, l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-familja. “Dik hija l-idea wara l-kunċett integrat tagħna.”
Id-delegazzjoni rekord tal-Lussemburgu, b’madwar 200 persuna, qed tiffaċċja vjaġġ iebes ta’ 16-il siegħa hekk kif l-atletli qed ikollhom jivvjaġġa lejn Andorra bil-karozza tal-linja għal raġunijiet loġistiċi u finanzjarji.
Knepper, b’referenza lejn l-allegazzjonijiet li qed jagħmel fil-konfront ta’ Malta, qal li għalkemm il-midalji huma dejjem milqugħa, hu enfasizza li l-prijorità tiegħu hija l-iżvilupp tat-talent żagħżugħ. “Irridhom jiksbu esperjenza u jersqu lejn, jekk mhux jaqbżu, l-aqwa riżultati personali tagħhom,” żied jgħid Knepper.
L-allegazzjonijiet ta’ Knepper qed isiru wara li fil-jiem li għaddew, fost l-oħrajn tkellem iċ-champion attwali ta’ Malta fit-Table Tennis, Gabriel Grixti f’post fuq il-midja soċjali tiegħu sabiex jesprimi r-rabja u l-frustrazzjoni tiegħu wara li l-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar it-tim Malti tat-Table Tennis li se jkun qed jirrapreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru fil-jiem li ġejjin f’Andorra.
Grixti qal li “tħallejt barra għaliex il-Gvern Malti u l-KOM reġa’ oġobħom jagħtu erba’ passaporti lil atleti mhux Maltin jiem biss qabel il-bidu ta’ dawn il-logħob.”
//= $special ?>