Ekonomija Lokali

Il-UĦM tilqa’ l-proposta tal-PN dwar it-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn xogħol part-time u over-time

UĦM Voice of the Workers laqgħet b’mod pożittiv il-proposta mħabbra mill-Partit Nazzjonalista biex titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqla’ ħaddiem minn xogħol part-time jew over-time.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, qal li din il-proposta tfisser li se jibqa’ iktar flus fil-but tal-ħaddiema u hi messaġġ ċar ta’ kuraġġ għall-familji u l-klassi medja li qed ibatu bil-piż tal-għoli tal-ħajja.

F’kummenti li ta lill-gazzetta “Il-Mument”, Vella spjega kif ħafna ħaddiema ma jkollhomx għażla jekk jaċċettawx xogħol żejjed, partikolarment fil-każ ta’ over-time, u għalhekk mhux sew li jkunu penalizzati bit-taxxa. Huwa sostna li jekk din il-proposta ssir realtà, il-ħaddiema se jibdew igawdu bis-sħiħ il-qligħ tagħhom minflok jitnaqqsilhom bit-taxxa.

Vella saħaq li din il-miżura tolqot b’mod dirett firxa wiesgħa ta’ ħaddiema, u mhux biss lil dawk li għandhom dħul baxx. Il-proposta għandha tkun parti minn pakkett ta’ miżuri usa’ biex tingħata spalla lill-ħaddiema u lill-koppji żgħażagħ li llum il-ġurnata qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.

Hu qal ukoll li flimkien ma’ din il-miżura, għandu jkun hemm proposti oħra bħal dawk li jtaffu l-piż fuq self għall-ewwel dar. Josef Vella temm jgħid li hu importanti li jkun hemm bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, u miżuri bħal dawn jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista, fil-proposta tiegħu, kien ċar li qed jara lejn futur fejn l-isforz tax-xogħol ikun apprezzat u r-riżultati tiegħu jitwasslu direttament fil-bwiet tal-ħaddiema.