“L-Unjoni Ewropea qed tistenna rispett reċiproku mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u mhux theddid ta’ tariffi. U allura f’din is-sitwazzjoni l-Unjoni Ewropea lesta li tiddefendi l-interessi tagħha.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għaddew numru ta’ mexxejja Ewropej wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jhedded li jintroduċi tariffa ta’ 50% fuq il-prodotti kollha li pajjiżu jimporta mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar sigħat numru ta’ mexxejja wasslu l-messaġġi tagħhom fuq il-midja soċjali bil-Kap tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea Maros Sefcovic jgħid li negozjati b’rabta mal-Kummerċ għandhom isiru b’rispett u mhux b’theddid u għalhekk l-Unjoni Ewropea tinsab lesta li tiddefendi ruħha.
Għaldaqstant, numru ta’ ministri madwar l-Ewropa sostnew li l-aħħar sensiela ta’ theddid minn Trump ma sarrfu fl-ebda riżultat waqt id-diskussjoni dan meta l-għan tal-Unjoni Ewropea huwa li ma teskalax is-sitwazzjoni.
Infatti wara l-kummenti ta’ Trump, Maros Sefcovic tkellem mar-rappreżentant tal-Kummerċ f’isem l-Istati Uniti Jamieson Greer kif ukoll mas-Segretarju tal-Kummerċ Howard Lutnick.
Dawn it-taħdidiet propju bdew wara li fl-aħħar ġimgħa, Washington bagħtet lista ta’ talbiet lil Brussell inkluż l-adozzjoni ta’ standards b’rabta mas-sigurtà tal-ikel għall-Istati Uniti kif ukoll it-tneħħija tat-taxxi nazzjonali tas-servizzi diġitali. Minn naħa tagħha l-Unjoni Ewropea offriet ftehim ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet.
Intant, wara d-diversi kummenti li għadda Trump, fl-aħħar jiem is-suq kompla jesperjenza daqqa l’isfel bil-kumpanija Apple tinżel bi 3% u d-Dollaru Amerikan naqas b’1% mal-Yen Ġappuniż. Dan apparti li l-ewro żdiedet b’0.8% kontra d-dollaru Amerikan.
//= $special ?>