Lokali

Raġel iweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku fil-Marsa

Dalgħodu, għall-ħabta tas-7:15 AM, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, li wassal biex raġel spiċċa l-isptar bi ġrieħi gravi.

Minn informazzjoni uffiċjali li ħarġet, irriżulta li l-ħabta kienet tinvolvi karozza Toyota Aygo, misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti San Ġwann, u mutur Yamaha GPD125-A misjuq minn raġel Albaniż ta’ 37 sena li jgħix San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-assistenza meħtieġa, qabel ma s-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi ta’ dak li seħħ.