Huwa sigriet magħruf li wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda Robert Abela ried jara f’min ħa jwaħħal biex jikkalma l-partitarji tiegħu wara li d-distakk bejn il-partiti naqas drastikament fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Il-parir li kellu Robert Abela hu li kellu jwaħħal f’Ramona Attard biex b’hekk jipprova jitfa’ l-ħtija ta’ dak li ġara fuq dawk li kienu responsabbli mill-partit minflok jerfa’ responsabbiltà hu għar-riżultati li kien qed iġib il-Gvern.
Biex jagħmel hekk kellu jelimina lil Ramona Attard minn President tal-Partit Laburista. Però Attard ma ridetx taċċetta li l-karriera politika tagħha tispiċċa meta t-tort ta’ dak li ġara kien ta’ Robert Abela u l-Ministri tiegħu u mhux tagħha.
Biex fl-aħħar Ramona Attard ċediet, Robert Abela kellu jwegħidha li tkun kandidata għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u li jkollha s-sapport kollu tal-magna tal-Partit Laburista biex jassiguraw li tkun eletta.
Sorsi viċin il-Partit Laburista qalulna li din il-mossa għamilha Robert Abela għaliex biha ried jolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda, ineħħi lil Ramona Attard minn President tal-Partit Laburista u b’hekk jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li Rosianne Cutajar terġa’ tkun eletta minħabba li se jkollha lil Ramona Attard imbuttata mill-partit fuq id-distrett tagħha.
B’hekk Robert Abela jkun pattieha lil Rosianne Cutajar li sfidatu ripetutament u umiljatu meta kienet esklamat bl-iswed fuq l-abjad li fi ħdan dan il-Gvern “kulħadd jitħanżer” u wara kellu jċedi għall-pressjoni tal-fazzjoni ta’ Joseph Muscat u jerġa’ jaċċettaha fil-Partit Laburista kontra r-rieda tiegħu.
Din it-tellieqa bejn Ramona Attard u Rosianne Cutajar qed tiġi deskritta bħala tellieqa bejn il-fazzjoni ta’ Muscat u dik ta’ Abela fis-Sitt Distrett fejn it-tnejn qed jaħdmu biex jiddominaw u jeliminaw lil xulxin.
Fl-aħħar jiem Rosianne Cutajar tkellmet ma’ diversi nies viċin tagħha dwar il-fatt li ħa tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bi sfida lejn Robert Abela u għaliex trid turih li s-sapport tiegħu ma jiswa xejn għax bih u mingħajru tiġi eletta xorta waħda.
//= $special ?>