Internazzjonali

Direttur tal-films jikkritika lir-reġim Iranjan wara s-suċċess fil-Festival ta’ Cannes…

Direttur tal-films Iranjan ma tilifx żmien biex jitkellem kontra r-reġim Iżlamiku ta’ pajjiżu wara li hu rebaħ il-premju prestiġjuż ta’ Palme d’Or ….l-ogħla rikonoxximent għall-eċċellenza f’dan il-qasam li jingħata waqt il-Festival tal-Films li jsir kull sena fil-belt Franċiża ta’ Cannes.

Jafar Panahi, li kien skonta terminu ta’ priġunerija fl-Iran u li kien ukoll ipprojbit milli jipproduċi l-films f’pajjiżu, tkellem fuq kollox kontra r-restrizzjonijiet tar-reġim Iranjan, immexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei. Hu, fl-istess ħin, ħeġġeġ biex l-Iranjani jwarrbu d-differenzi u jirrikonoxxu l-importanza li l-Iran jittrasforma ruħu f’pajjiż ħieles u tolleranti.

Panahi rebaħ dan l-unur għall-film  ‘It Was Just an Accident’ …Thriller ibbażat  fuq tema ta’ tpattija indirizzata lejn ir-reġimi li jmexxu bil-politika tal-oppressjoni.

Kien fl-2023 meta Panahi skonta s-sentenza ta’ ħabs li kien weħel talli protesta kontra d-detenzjoni ta’ żewġt iħbieb u kollegi – ukoll produtturi tal-films – li, bħalu, kienu kritikaw lill-awtoritajiet Iżlamiċi f’Tehran.

U din iż-żjara ta’ Panahi f’Cannes kienet anki l-ewwel dehra tiegħu waqt festival tal-films internazzjonali għal ħmistax-il sena….Sitwazzjoni li hu kellu jissapporti wara li r-reġim Iranjan ipprojbih milli jivvjaġġa barra pajjiżu għat-tul taż-żmien.