“Ohio dejjem assoċjat mar-rebħa fuq l-impossibbli – l-ispirtu li rridu nqajmu mill-ġdid illum.”
“Ejjew naħdmu flimkien għall-paċi u d-demokrazija.” L-appell tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f’Dayton, Ohio waqt l-Assemblea Parlamentari tan-NATO.
Il-President Metsola qalet li d-demokraziji jinsabu mhedda, u żiedet li meta d-demokraziji jagħtu riżultati, “aħna lkoll nissaħħu.”
Waqt li kienet qed titkellem mis-sit simboliku fejn seħħew il-Ftehim ta’ Dayton 30 sena ilu, Metsola enfasizzat l-importanza dejjiema tal-għaqda transatlantika u r-responsabbiltà tal-Ewropa u l-Istati Uniti biex iħarsu d-demokrazija u l-paċi.
Hija qalet li bħalma d-diplomazija, id-demokrazija u l-paċi ntgħażlu waqt li ż-żewġ kontinenti kienu f’salib it-toroq, illum, fadal triq waħda biss: li ż-żewġ kontinenti jimxu ‘l quddiem u flimkien.
Il-President Metsola qalet li l-UE u l-Istati Uniti jeħtieġ li jaġixxu flimkien “b’dak il-kuraġġ, il-konvinzjoni, u t-tmexxija li kkaratterizzaw l-azzjonijiet tagħna f’dan il-post tliet deċennji ilu.
Irridu nkunu lesti li naħdmu id f’id f’dan il-mument ta’ prova, u mhux naħdmu għal rasna li ma jgħin lil ħadd. U nibnu relazzjoni transatlantika qawwija li tipproteġi l-valuri demokratiċi li ngħożżu. Jeħtieġ ningħaqdu.”
Metsola fakkret kif l-S.S. Ohio salvat lil Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
“In-nanniet tagħna kienu jiem ’il bogħod milli jbgħatu l-ġuħ u jċedu, meta tanker Amerikan imkisser daħal fil-port tagħna, mgħejun minn żewġ destroyers tal-Alleati, u b’xi mod irnexxielu jidħol fil-port.
Isem it-tanker kien l-S.S. Ohio. Dan fisser li stajna ngħixu biex niġġieldu jum ieħor. Salvana,” stqarret. Il-President Metsola qalet li għal Malta, l-isem Ohio dejjem kien assoċjat mar-rebħa fuq l-impossibbli. “Dak huwa l-ispirtu li rridu nqajmu mill-ġdid llum,” enfasizzat.
Filwaqt li fakkret l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li ġab fi tmiem il-kunflitt fil-Bożnja, Metsola enfasizzat il-ħtieġa għal riżoluzzjoni simili fid-dawl tal-isfidi globali tal-lum.
“Id-demokrazija mhijiex garantita,” “Irridu nqumu kontra dawk li jfittxu li jkissru dak kollu li bnejna flimkien.”
Metsola enfasizzat li l-għaqda u l-ambizzjoni għandhom ikomplu jiggwidaw l-isforzi tat-tkabbir tal-Ewropa, partikolarment lejn il-Balkani tal-Punent, u l-ħtieġa għal tmexxija li tibni fuq il-paċi li nħolqot f’Dayton tliet deċennji ilu.
//= $special ?>