L-aqwa skorer tal-Malta Premier, Maxuell Maia, hu mill-ġdid plejer ta’ Gżira United. Il-maroons ħabbru dan illejla permezz tal-midja soċjali tagħhom, fejn ħabbru wkoll li l-uffiċjal, Marlon Galea, se jkun qed jifforma parti mill-istaff tekniku tat-tim għall-istaġun il-ġdid 2025/26.
Galea diġà ħadem u fforma parti mill-istaff tekniku ta’ Gżira United fil-passat, iżda dan l-istaġun kien qed iservi fir-rwol ta’ Direttur Sportiv ta’ Floriana.
L-aħbar tal-akkwist tal-Brażiljan ta’ 33 sena, Maxuell Maia minn ma’ Birkirkara għal ma’ Gżira United, tasal fl-istess jum li fuq il-midja soċjali, il-President tal-klabb, Sharlon Pace, tefa’ post b’ritratt tiegħu mal-aqwa skorer tal-Malta Premier waqt mument relassanti li t-tnejn kellhom illum waranofsinhar.
Dan ir-ritratt kien qed jixħet l-ewwel indikazzjoni li Maxuell Maia, li dan l-istaġun skorja 22 gowl fil-Kampjonat, u ieħor fil-fażi tal-Final Four, kien qrib li jirritorna mal-klabb li miegħu diġà lagħab żewġ staġuni u nofs.
B’hekk wara żewġ staġuni ma’ Birkirkara, fejn matulhom kien sfortunat li ma rebaħ ebda unur, se jkun qed jerġa’ jilgħab bil-flokk tal-maroons.
Dan hu l-ewwel akkwist ta’ Gżira United, hekk kif Net News hu infurmat li wara staġun li matulu l-President Pace, żamm profil baxx u kien qed iħalli f’idejn uffiċjali oħra biex imexxu x-xogħol ta’ kuljum tal-klabb, b’seħħ immedjat l-imprenditur li ilu aktar minn 11-il sena President ta’ Gżira United, se jkun qed jerġa’ jieħu l-aktar affarijiet u deċiżjonijiet importanti tat-tim f’idejh, fosthom il-kampanja akkwisti.
Sorsi Ii tkellmu magħna qalulna wkoll li Pace qed iħares b’ambizzjoni li jerġa’ jagħmel lit-tim Gżirjan skwadra kompetittiva, bħalma diġà kienet sa ftit tas-snin ilu meta hu kien diġà President tal-klabb.
Intant, illum il-Ħadd, Gżira United ħabbru wkoll li fl-amministrazzjoni tal-klabb qed jirritorna Deo Scerri, fir-rwol ta’ konsulent. Scerri diġà ħadem f’kumitati preċidenti ta’ Gżira United, u jgawdi minn stima u rispett fil-logħba tal-futbol lokali.
//= $special ?>