Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jagħti pjattaforma lill-artisti lokali

Il-Ħadd filghodu, attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista ffukat fuq is-settur li ħafna drabi jiġi injorat fil-politika nazzjonali; dak tal-arti, il-kultura u l-wirt tagħna.

Din l-attivita laqqgħet diversi dilettanti u professjonisti minn dawn l-oqsma, li kollha esprimew t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ investiment serju, il-bżonn ta’ viżjoni ċara u l-potenzjal li għandu dan is-settur biex jagħti lura lis-soċjetà mhux biss b’mod kreattiv iżda wkoll ekonomikament.

L-ewwel li tkellem kien Anthony Bezzina, Direttur tat-Teatru u figura ewlenija fi ħdan Masquerade Malta. Hu fakkar b’rispett f’dawk li ġew qabilna u li ħadmu bis-sħiħ fil-qasam kulturali, u sostna li għandu jkun hemm kontinwità u sostenn lejn dak li nbena. Waqt li ddeskriva x-xogħol tiegħu fl-ambjent li jmexxi, fejn tfal jikbru fl-espressjoni artistika, saħaq li l-interess fis-settur żdied u dan għandu jkun appoġġjat b’mod ġust u bilanċjat. Sostna li l-għajnuna mill-Gvern għandha tkun imqassma b’mod diplomatiku u mhux diskriminatorju, speċjalment kontra l-operaturi privati li, fi kliemu, “huma proprju dawk li kabbru dan l-interess”. Skont Bezzina, jekk irridu nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess, għandna nisimgħu, nappoġġjaw u nfasslu futur fejn il-kultura ma tibqax fil-ġenb.

Shaun Curmi, f’isem Buffalo & Co Carnival Company, tkellem dwar ir-realtajiet li jaffaċċjaw dawk li jaħdmu fil-qasam tal-Karnival, fejn spjega kif il-kostruzzjoni tal-karrijiet hija attività li tinvolvi spejjeż kbar ħafna. Qal kif sfortunatament, ħafna minn dawk li kienu jagħtu sehhem f’dan il-qasam ma baqgħux jagħmluha. Fisser li jekk irridu nkomplu naraw il-Karnival jikber u jinżamm ħaj, hemm bżonn li jingħataw fondi adegwati lil dawk li jaħdmu fuqu.

Maria Galea, President tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), enfasizzat li l-artist ma jaħdimx f’iżolament. Warajh hemm tim sħiħ ta’ crew, żeffiena u teknici li jagħmlu l-produzzjoni possibbli. Hija saħqet fuq il-ħtieġa li dan is-settur jiġi rikonoxxut bħala professjoni u mhux biss bħala passatemp, speċjalment minħabba l-isfidi ekonomiċi li jġib miegħu. Fissret ukoll li l-problema tal-ispazji għall-arti tibqa’ waħda persistenti, flimkien ma’ sfidi oħra li huma proprji għan-natura kreattiva tas-settur. Maria sostniet li rridu ninvestu fl-udjenza, nibdew mill-iskola u nindirizzaw in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-opportunitajiet artistiċi. Il-mod kif noħolqu soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, temmet tgħid, jeħtieġ viżjoni fit-tul.

Angele Galea, għalliema tal-istorja u t-teknika tal-arti, tal-pjanu u t-teorija tal-mużika, saħqet li s-soċjetà trid tibda tagħraf x’inhu importanti billi tfittex lil hinn mill-wiċċ, speċjalment fil-media. Qalet li l-artist ħafna drabi jidher biss f’okkażjonijiet partikolari, iżda rridu nistaqsu x’inhi tassew il-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà. Angele insistiet li għandu jkun hemm apprezzament konkret għax-xogħol tal-artist, u mhux kliem vojt.

Hija semmiet ukoll in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-wirt storiku, li spiss jispiċċa f’idejn il-privat biex jieħu ħsiebu, u dan joħloq konsegwenzi. Saret ukoll referenza għan-nuqqas ta fehim lejn ix-xogħol tal-artisti, speċjalment f’perjodi ta’ kriżi bħall-pandemija tal-COVID, meta l-għalliema tal-arti tpoġġew fil-ġenb.

Angele kompliet tispjega li għalkemm teżisti l-possibbiltà ta’ boroż ta studju barra minn Malta, l-iżvilupp tal-artisti lokalment jasal biss sa ċertu punt. Fakkret li l-arti titlob ħin u spazju, u bla għajnuna konkreta dan ma jkunx possibbli. Fost sfidi oħra, semmiet ukoll il-kompetizzjoni bejn il-ħbieb stess fi ħdan l-istess settur minħabba l-finanzjament limitat.

Godfrey Farrugia, President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, saħaq fuq il-festa bħala espressjoni ċentrali tal-kultura Maltija. Fi kliemu, il-festa hija “vetrina ta’ dak kollu li hi Malta” u l-lingwa tan-nar, magħmula minn ħoss, dawl, kulur u moviment, hija forma ta’ arti b’xjenza u grammatika. Huwa spjega kif l-piroteknika, għandha tiġi rikonoxxuta bħala arti li tifforma parti mill-identita nazzjonali tagħna.

Conrad Neil Gatt, esploratur u attivist favur il-wirt kulturali, wissa dwar is-sagrifiċċji kbar li saru f’dan il-qasam matul is-snin. Saħaq li ma nistgħux inkejlu l-wirt storiku b’riga politika, u esprima x-xewqa għal gvern li jħares lejh minn prospettiva kulturali u mhux kummerċjali. Fakkar li dak li ħallewlna missirijietna mhuwiex tal-kuntratturi imma tal-poplu Malti. Gatt appella għal aktar investiment fl-edukazzjoni dwar dawn is-siti u ħeġġeġ biex Malta tiġi promossa bħala destinazzjoni kulturali, mhux biss bħala post ta’ parties u bajjiet.

Prof. Louis Laganà, artist u storiku tal-arti, saħaq fuq il-ħtieġa li nfasslu mill-ġdid il-viżjoni tal-arti u l-kultura f’pajjiżna. Semma li hemm bżonn li ssaħħu diversi aspetti relatati mal-arti f’Malta, fosthom il-viżibilità u l-aċċess ghal MUŻA, kif ukoll l-inklużjoni ta’ artisti lokali u barranin bbażata fuq il-mertu u mhux il-ħbiberija. Laganà appella għal sistema ta’ finanzjament inqas burokratika u aktar inklussiva, b’konnessjoni aktar diretta bejn l-arti u l-iżvilupp sostenibbli. Huwa enfasizza wkoll ir-rabta bejn is-saħħa u l-arti, u stieden għal inizjattivi konġunti bejn il-Ministeru tal-Kultura u dak tas-sahha. Skontu, il-viżjoni għall-artist għandha tmur lil hinn mill-produzzjoni tax-xogħol; għandha tinkludi sostenibbiltà u strutturi stabbli li jappoġġjaw l-iżvilupp tiegħu fuq medda twila ta’ żmien.