Futbol Sport

Imut il-President ta’ Msida St Joseph, Robert Farrugia

Imut Robert Farrugia
Imut Robert Farrugia

Fl-aħħar sigħat għadha kemm tħabbret il-mewt ta’ Robert Farrugia, President ta’ Msida St. Joseph Football Club.

Farrugia kien laħaq President ta’ Msida St. Joseph f’Ġunju tal-2007, pero matul dan iż-żmien kollu kien hemm staġuni fejn serva f’rwoli oħra ta’ tmexxija fi ħdan il-kumitat. Hu dejjem kien leali lejn il-klabb u mexxa lil Msida St Joseph fi kwalunkwé diviżjoni, inkluż meta dawn kienu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Farrugia kien President ta’ Msida St Joseph f’żewġ perjodi tal-karriera amministrattiva tiegħu fil-futbol. L-ewwel perjodu kien bejn l-istaġun 2007/08 sal-2011/12. Fl-istaġuni ta’ wara, għalkemm Farrugia ma kienx il-President ta’ Msida St. Joseph, xorta waħda baqa’ fil-kumitat Misidjan u kien assuma karigi differenti ta’ tmexxija fosthom dik ta’ Viċi President, Segretarju u Teżorier tal-klabb.

Fl-istaġun 2017/18 sal-lum, Farrugia kien reġa’ sar President tal-klabb, u dan it-tieni perjodu kien wieħed diffiċli għall-klabb u li matulu t-tmexxija għaqlija ta’ Farrugia kienet kruċjali biex il-klabb baqa’ jilgħab f’diviżjonijiet minn ta’ fuq fil-futbol Malti.

F’dawn l-aħħar snin partikolarment, Farrugia serva fir-rwol ta’ delegat tal-klabb ta’ Msida St Joseph u kien jifforma parti ukoll mill-Kunsill tal-MFA.

Farrugia jiġi missier l-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Tyrone Farrugia u hu l-uffiċjal u tim manager ta’ Mosta FC, Adrian Farrugia.

Net News jieħu din l-opportunitá li jsellem il-memorja ta’ Robert Farrugia, nirringrazzjawħ tas-sehem li ta lill-futbol fuq livell amministrattiv u volontarjat, u nagħtu l-kondonoljanzi sinċiera lill-familjari kollha tiegħu.