“Is-settur tal-arti huwa settur imprezzabbli, parti integrali mir-ruħ tan-nazzjon”.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’messaġġ li wassal lil diversi artisti li kienu preżenti għall-konferenza li saret il-Ħadd filgħodu – bit-temi prinċipali ta’ din il-konferenza jkunu l-arti u l-kultura.
Bernard Grech insista li Partit Nazzjonalista fil-Gvern iqiegħed l-arti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta – b’obbligu u rikonoxximent fundamentali fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna.
Huwa insista li Gvern ġdid Nazzjonalista jfassal inċentivi ġodda u sistema ta’ taxxa u VAT aġġustata fuq rakkomandazzjoni tal-MEIA. Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar il-bżonn li jiżdiedu l-esebizzjonijiet madwar il-pajjiż sabiex it-teatru jmur qalb il-poplu, għand in-nies.
Bernard Grech insista dwar il-bżonn li jingħata sostenn lis-settur privat filwaqt li tissaħħaħ l-edukazzjoni f’dan il-qasam.
Huwa spjega dwar l-importanza li l-arti tingħata bħala għodda għal terapija u għajnuna għall-benesseri mentali filwaqt li insista dwar il-ħtieġa li tingħata gwida adegwata lill-artisti u freelancers żgħażagħ f’dan il-qasam.
Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jispjega wkoll illi fl-arti qatt ma għandu jkun hemm kompetizzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat – anzi s-settur privat għandu jkollu l-għajnuna kollha sabiex jirnexxi mingħajr xkiel. Fejn anke tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed joħloq spazju adegwat għall-artisti tal-karnival – wegħda li ilha fuq l-ixkaffa snin.
Bernard Grech spjega li huwa impenjat sabiex jara li l-artisti kollha jkollhom iċ-ċans adegwat u ugwali sabiex jieħdu sehem fl-attivtajiet. Fejn anke spjega li għandna nibqgħu napprezzaw il-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna.
Fid-diversi interventi li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, spjega wkoll proposta prinċipali għal dan is-settur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista elenka wkoll il-fatt li hija prijorità li l-arti tkun parti integrali fl-edukazzjoni tat-tfal.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jagħti inċentivi serji lill-privat li jkun irid jinvesti f’dan is-settur, iħalli li l-arti timraħ f’ambjent liberu u jerġa’ jagħti lil Heritage Malta l-awtonomija li kellha.
Dan filwaqt li saħaq li se jkun qed jassigura li l-mużewijiet ikunu ta’ esperjenza olistika fost oħrajn.
Minn naħa tagħha x-Shadow Minister Julie Zahra appellat għal aktar trasparenza f’dan is-settur, għal messaġġ ċar li l-arti hija importanti daqs suġġetti oħra fl-iskejjel tat-tfal tagħna.
Preżenti kien hemm ukoll George Vital Zammit li qed imexxi l-proċess għat-tfassil tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista li spjega li l-għan wara attivitajiet bħal dawn huwa sabiex il-politika tal-Partit Nazzjonalista titfassal flimkien mal-professjonisti u l-ħaddiema fis-setturi differenti.
//= $special ?>