Knisja Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jinsisti li l-ewtanasja hi qtil

Waqt quddiesa li saret fil-binja tal-Hospice, l-Arċisqof Charles Scicluna stqarr b’mod car li l-Ewtanasja – issejħilha kif issejħilha – tibqa’ qtil.

Fil-messaġġ li wassal il-Ħadd filgħodu, Mons. Scicluna insista li bħala soċjetà ma rridux immorru għal soluzzjonijiet li jidhru faċli, u li nġibu l-mewt b’idejna.

Charles Scicluna enfasizza fuq l-aspett tad-dinjità tal-bniedem – u li rridu noffru t-tama, l-għajnuna u l-appoġġ lil dawk li qed jaffaċjaw mard serju.

L-Arċisqof insista li l-istat għandu jiggarantixxa u jipprovdi l-kura paljattiva; dik li tgħin ittaffi l-uġiegħ u l-istress assoċjat ma’ dan il-mard, bil-għan li titjieb il-kwalità ta’ ħajja tal-pazjenti, u l-familji tagħhom, bħalma diġa’ qed isir fis-St. Michael Hospice.

Għal darba oħra, hu irringrazzja lil Hospice Malta li qed tagħti servizz lil aktar minn 1,500 pazjent fis-sena, u li jipprovdu sostenn pożittiv biex il-mewt tkun proċess ta’ dinjità għal kull bniedem.