It-Tmexxija tal-Armata Iżraeljana konfermat li t-truppi u l-brigati armati kollha ta’ Iżrael jinsabu fuq ‘standby’ inkella għaddejjin bl-azzjonijiet militari kontra t-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.
L-aħħar passi ta’ Iżrael komplew jintensifikaw l-offensiva kbira fl-artijiet tal-Palestinjani u bħala parti minn kampanja intiża lejn l-eliminazzjoni tal-entitajiet terroristiċi ta’ Gaza. Dan ukoll meta qed tingħata priorità lill-impenn biex jinħelsu l-ostaġġi Iżraeljani li l-Ħamas ilhom iżommu minn Ottubru tal-2023.
L-azzjonijiet militari, fi tmiem il-ġimgħa, ikkonċentraw fuq diversi bnadi ta’ Gaza, bil-militar isostni li ntlaqtu talanqas 100 mira ‘tal-Ħamas’ fi spazju ta’ 24 siegħa. Ir-rapporti qalu li l-qawwiet Iżraeljani għandhom ikomplu jattakkaw il-faċilitajiet u l-infrastruttura li l-Ħamas qed jużawhom ‘għall-iskopijiet terroristiċi’.
Fl-istess ħin, Iżrael qed jevalwa r-rapporti dwar l-imwiet konsistenti taċ-ċivili Palestinjani li nqabdu fl-eqqel tal-offensiva. Dan meta l-isptarijiet f’Gaza qed ikomplu jdaħħlu l-għexieren tal-midruba u meta ħadd, għalissa, ma jaf eżatt iċ-ċifra tal-mejtin u midruba fl-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza….Zona inaċċessibbli u li għadha ċirkondata mit-truppi Iżraeljani li mhumiex jippermettu l-movimenti lejn l-inħawi.
L-aħħar statistika qed turi li talanqas 3,800 Palestinjan tilfu ħajjithom mindu l-Iżraeljani intensifikaw l-offensiva fuq Gaza fit-18 ta’ Marzu, bil-ħsieb li jilliberaw il-ftit għexieren ta’ ostaġġi li baqgħu miżmuma fil-labirint tal-mini taħt l-artijiet ikkontrollati mill-Ħamas.
Sadanittant, il-kelliema għall-Ħamas qalu li huma lesti biss li jirritornaw l-ostaġġi jekk kemm-il darba Iżrael jaqbel li jeħles ammont sinifikanti ta’ priġunieri Palestinjani, minbarra li jikkommetti ruħu għal waqfien mill-ġlied permamenti..
Kundizzjoni oħra li qed jinsisti biha l-Ħamas hu biex l-Iżraeljani jitilqu kollha mit-territorji ta’ Gaza.—u meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qed rrifjuta dawn it-talbiet.
Netanyahu, għall-kuntrarju, insista li l-militar tiegħu se jissikka l-morsa fuq Gaza waqt li, fl-istess ħin, jiffaċilita proċess li hu stess irrefera għaliha bħala ‘emigrazzjoni volontarja tal-Palestinjani’ mill-artijiet li qed jgħixu fihom.
//= $special ?>