Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-komunità internazzjonali tikkundanna l-akbar assedju mill-ajru

‘Xita ta’ mewt mill-ajru’…Din kienet id-deskrizzjoni tal-Ukreni għall-akbar rejd mill-qawwiet tal-ajru Russi fuq pajjiżhom f’aktar minn tlett snin ta’ gwerra….Rejd li seħħ matul is-sigħat bikrin tal-Ħadd u meta dan kien ukoll it-tieni lejl konsekuttiv ta’ offensiva bil-missili u d-drones li konċentraw l-aktar fuq Kiev u għexieren ta’ lokalitajiet oħra madwar l-Ukrajna.

L-awtoritajiet Ukreni qalu li fl-attakki mietu talanqas 15 fid-diversi bnadi tal-pajjiż u meta kien hemm anki l-għexieren tal-midruba. Din iċ-ċifra, sadanittant, mistennija titla’ aktar ma jgħaddi l-ħin u meta l-istess awtoritajiet qed jiġbru aktar informazzjoni dwar l-impatt tal-attakki.

Il-President Russu Vladimir Putin qed jidher li aktar ħsiebu f’li jżid il-livell tal-konflitt mal-Ukrajna milli jiddiskuti xi ftehim għal waqfien mill-ġlied, bħalma qed jinsistu l-Istati Unit u l-Alleati tal-Punent.  Dan waqt li t-talbiet u t-theddid dwar sanzjonijiet fil-konfront tal-Kremlin qed jaqgħu dejjem aktar fuq il-widnejn torox.

Matul is-sigħat bikrin tal-Ħadd, ir-Russja sparat aktar minn 300 drone u 80 missila lejn l-ibliet tal-Ukreni…. Mewġa wara mewġa ta missili u drones li segwew il-burraxki simili tal-aħħar jiem fuq il-poplu tal-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, filwaqt li kkundanna l-aggressjoni indiskriminattiva tar-Russja, ħeġġeġ biex l-Istati Uniti ssemmi leħinha b’mod aktar sod kontra l-attakki fuq pajjiżu.

U b’referenza indiretta għall-President Amerikan, Donald Trump, Zelensky qal li ‘is-silenzju tal-Istati Uniti u ta’ pajjiżi oħra  iservi biss biex jinkorraġġixxi lil Putin ħalli jkompli b’din l-aggressjoni fuq iċ-ċivili’. Zelensky saħaq li kull attakk terroristiku min-naħa tar-Russja jipprovdi raġuni dejjem akbar għal sanzjonijiet aktar intensivi kontra Moska.

L-iskala tal-aħħar attakki fuq Kiev u l-imwiet dejjem qed jiżdiedu taċ-ċivili qanqlu wkoll il-kundanna tal-Unjoni Ewropea….Dan waqt li l-Ogħla Diplomatiku tal-UE, Kaja Kallas, sejħet għal ‘aktar pressjoni internazzjonali fuq ir-Russja biex twaqqaf din il-gwerra’.

Kallas, li hi responsabbli mill-Politika Barranija tal-UE, sostniet li l-attakki tal-aħħar sigħat urew, bla ħjiel ta’ dubju, li r-Russja tinsab determinata biex iżżid it-tbatija għall-Ukreni bħala parti mill-impenn tal-Kremlin biex l-Ukrajna ma teżistix aktar bħala pajjiż sovran u indipendenti.

L-Unjoni Ewropea fissret is-sitwazzjoni li qed tissarraf f’aktar tfal mejtin bħala intolleranti –b’Kallas titlob biex il-komunità internazzjonali żżid l-isforzi ħalli r-Russja ma jkollhiex alternattiva ħlief li tirtira mit-triq tal-konflitt.