Formula 1 Sport

Lando Norris jirbaħ il-GP ta’ Monaco għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu

Lando Norris
Lando Norris

Lando Norris ta’ McLaren rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco tal-Formula 1 għall-ewwel darba meta kellu prestazzjoni mill-aqwa fil-ġurnata, fejn ikkontrolla t-tellieqa mill-bidu sat-tmiem biex kien hu li ħareġ rebbieħ.

Norris għadda mill-iżvantaġġi potenzjali ta’ regola ġdida li tirrikjedi li s-sewwieqa jużaw tliet settijiet ta’ tajers matul it-tellieqa u għeleb lil Charles Leclerc ta’ Ferrari għat-tieni rebħa tal-Brittaniku tal-istaġun.

Oscar Piastri ta’ McLaren ħa t-tielet post, ferm ’il bogħod minn Max Verstappen ta’ Red Bull li temm fir-raba’ post, b’Lewis Hamilton ta’ Ferrari jispiċċa fil-ħames post.

Ir-rebħa ta’ Norris naqqset il-vantaġġ ta’ Piastri, li jinsab l-ewwel fil-klassifika parzjali u ġenerali tas-sewwieqa, għal tliet punti. Fit-tielet post, kompla jinżel l-isfel fid-distakk ta’ punti, iċ-champion tad-dinja, Max Verstappen, hekk kif jinsab it-tielet fil-klassifika proviżorja, 22 punt taħt Piastri.