Fl-Ingilterra, fl-aħħar match day tal-Premier League Ingliż, Liverpool bdew jiċċelebraw uffiċjalment ir-rebħ tal-20 Kampjonat Ingliż. Huma temmew il-Premier League l-ewwel, b’84 punt; għaxar punti aktar mit-tieni post Arsenal.
Fl-aħħar logħba tal-Premier League, f’Anfield, Liverpool temmew fi draw ta’ 1-1 kontra r-rebbieħa tal-FA Cup, Crystal Palace.

Bir-riżultati li kelna fl-aħħar match day tal-futbol Ingliż, issa ġew magħrufa t-timijiet li għaddew għall-UEFA Champions League.
Apparti Liverpool bhala champions tal-Kampjonat u Tottenham Hotspur bħala rebbieħa tal-UEFA Ewropa League, il-bqija tat-timijiet l-oħra li se jilgħabu fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej huma Arsenal, Manchester City, Chelsea u Newcastle United.

Tottenham Hotspur spiċċaw fis-17-il post fil-klassifika finali tal-Premier League Ingliż iżda se jilgħabu fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej wara li nhar l-Erbgħa rebħu l-UEFA Ewropa League kontra Manchester United.
Aston Villa fallew iċ-ċans li jgħaddu għall-UEFA Champions League meta tilfu 2-0 fl-aħħar partita kontra Manchester United, iżda se jilgħabu fil-UEFA Ewropa League flimkien ma’ Crystal Palace, b’dawn tal-aħħar jikkwalifikaw bħala r-rebbieħa tal-FA Cup.
L-uniku tim mill-Premier League li kkwalifika għall-UEFA Ewropa Conference League hu Nottingham Forest.
Ir-riżultati kollha li kelna fl-aħħar match day fil-Premier League Ingliż kienu dawn:
AFC Bournemouth vs Leicester City 2-0
Fulham vs Manchester City 0-2
Ipswich Town vs West Ham United 1-3
Liverpool vs Crystal Palace 1-1
Manchester United vs Aston Villa 2-0
Newcastle United vs Everton 0-1
Nottingham Forest vs Chelsea 0-1
Southampton vs Arsenal 1-2
Tottenham Hotspur vs Brighton & Hove Albion 1-4
Wolverhampton Wanderers vs Brentford 1-1
Intant it-tliet timijiet relegati fit-tmiem ta’ dan l-istaġun fil-Premier League Ingliż huma Leicester City, Ipswich Town u Southampton.
