Lokali

Maypole tiċċelebra 125 sena ta’ storja b’open day

Il-Ħadd 25 ta’ Mejju, il-kumpanija Maypole fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku permezz ta’ Open Day li saret fil-Head Bakery fil-Ħandaq, Ħal Qormi, biex tiċċelebra l-125 anniversarju tagħha.

Il-ġurnata serviet bħala opportunità biex il-familji jqattgħu ħin flimkien, jgawdu minn attivitajiet għall-kbar u ż-żgħar, u fl-istess waqt jieħdu tagħrif iktar mill-qrib dwar kif taħdem il-fabbrika tal-ħobż.

Il-fundatur u chairman ta’ Maypole Group, is-Sur Carmelo Debono, magħruf bħala Nenu, tkellem ma’ dan l-stazzjon dwar l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn. Huwa qal li l-Open Days jagħtu l-possibbiltà lin-nies jaraw b’għajnejhom l-indafa, il-kwalità u l-ħidma wara l-prodotti li jaslu fuq il-mejda tal-familji Maltin.

Tkellimna wkoll ma’ James Debono, id-Direttur tal-fabbrika, li rrimarka kif il-kumpanija tħaddan kemm it-tradizzjoni kif ukoll l-innovazzjoni. Filwaqt li l-ħobż tradizzjonali Malti għadu jinħadem bl-idejn, ħafna mill-proċessi l-oħra huma awtomatizzati biex jiġu żgurati standards għoljin ta’ iġjene u effiċjenza.

L-avveniment serva wkoll biex jikkonferma l-importanza ta’ għarfien aktar profond tal-proċessi lokali u l-valur ta’ kwalità u ċarezza, li dejjem jibqgħu ċentrali f’dan is-settur.