Sport

Novak Djokovic jikteb parti oħra mill-istorja tat-tennis internazzjonali bir-rebħ tal-100 titlu tas-singles tal-ATP

Novak Djokovic jirbaħ il-100 titlu tas-singles tal-ATP
Novak Djokovic jirbaħ il-100 titlu tas-singles tal-ATP

Novak Djokovic kompla jikteb biċċa oħra mill-istorja tiegħu bħala plejer u tat-tennis inġenerali, meta matul din it-tmiem il-ġimgħa, hu rebaħ il-100 titlu tas-singles tal-ATP, wara li fil-finali tal-Open ta’ Ginevra u għeleb lil Hubert Hurkacz.

L-atleta Serb, li rebaħ kważi kollox fit-tennis, b’hekk issa huwa it-tielet tennista raġel fl-era moderna ta’ dan l-isport, li rrnexxilu jilħaq dan is-suċċess wara Jimmy Connors u Roger Federer.

Djokovic, li għandu 38 sena kien rebaħ is-seba’ logħbiet preċedenti tiegħu kontra l-Pollakk Hurkacz iżda kellu jitħabat biex jirbaħ din id-darba, wara li tilef il-kontroll fit-tielet set biex rebaħ 5-7 7-6 (7-2) 7-6 (7-2).

Fit-tmiem tal-partita, it-tfal ta’ Djokovic marru jiġru fil-grawnd biex jifirħu lil missierhom, b’martu Jelena tarahom jifirħu bis-suċċess tar-raġel tagħha mill-istands.

Dan is-suċċess hu wieħed sinifikanti għal Djokovic hekk kif irnexxilu jirbaħ dan it-titlu li ntlagħab fuq it-tafal, jiem qabel ma jibda l-Open ta’ Franza.

Wara din ir-rebħa, Djokovic issa jivvjaġġa lejn Pariġi – fejn se jkun qed jilgħab l-ewwel kontra l-Amerikan Mackenzie McDonald fl-ewwel rawnd, bit-tentattiv tiegħu hu li jikser rekord 25 titlu Grand Slam f’kompetizzjonijiet singles.