Il-Prim Ministru Robert Abela ssokta bin-narrattiva qarrieqa u fażulla biex ibellagħha u jimmiżinforma lill-partitarji Laburisti dwar il-każ tal-Membru Parlamentari Ewropew, Daniel Attard.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem il-Pulizija Belġjana talbet biex Attard titneħħhielu l-immunità parlamentari wara li f’ammissjoni tiegħu stess kien mar f’box tal-kumpanija Ċiniża Huawei jara partita futbol fil-ground tal-Anderlecht u waqt din l-istess logħoba l-Membru Parlamentari Laburista tkellem dwar l-istess kumpanija u saħansitra rranġa laqgħa dwar is-suġġett….liema laqgħa, dejjem f’ammissjoni tal-istess Attard twettqet ġimgħatejn wara fi Strasburgu.
Lil Daniel Attard waqt l-attività politika fil-Mosta poġġewh proprju fuq quddiem biex preċiżament jidher f’diversi shots tul ix-xandira diretta, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħajjat li se jkun qiegħed joħroġ għonqu għalih, waqt li implika, b’mod mill-aktar qarrieqi, li qed jiġi attakkat mill-Partit Nazzjonalista.
U filwaqt li, skont Abela, huwa attakk imma hija xejn ħlief investigazzjoni mill-Awtoritajiet Belġjani b’rabta ma allegat aġir korrott li fih hemm involuti diversi Membri Parlamentari Ewropej oħrajn – l-unika attakk ċert li għaddej bħalissa huwa proprju minn ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Dan hekk kif fl-aħħar sigħat il-fergħa estremista Laburista qed titlob lill-Ministru Owen Bonnici biex jirriżenja wara l-kuntratt li ngħata lil Mark Camilleri – b’Robert Abela ma jlissinx kelma li hi kelma biex jiddefendi lill-Ministru Bonnici.
L-istess għall-Avukat Francesca Zarb li, għal darb’oħra kienet preżenti waqt l-attività politika tal-Labour fl-istess ġimgħa li qalet ċamata mill-istess blogger Neville Gafà – fejn ta x’jifhem li l-fergħa estremista ma tridhiex – minflok saħaq li fost oħrajn il-backbencher Alex Muscat huwa l-vera kandidat li jridu.
Huwa fatt li kien Robert Abela li qaċċat lil Muscat minn Segretarju Parlamentari u xeħtu ‘l barra mill-kabinett. Sorsi li kienu qrib id-direzzjoni ta’ din l-attività u li tkellmu ma’ Net News saħqu li mhux b’kumbinazzjoni li tul ix-xandira diretta Alex Muscat inqabad kemm-il darba f’dak li jissejjaħ close-up filwaqt li lil Zarb, għal din l-okkażjoni ma ngħatat ebda prominenza.
//= $special ?>