Futbol Sport

Xabi Alonso b’mod uffiċjali kowċ ta’ Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Real Madrid ħabbru b’mod uffiċjali li Xabi Alonso bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb wara li ffirma kuntratt ta’ tliet snin.

Alonso huwa wkoll eks plejer ta’ Real Madrid hekk kif lagħab 236 partita mal klabb Spanjol. Aktar kmieni dan ix-xahar temm l-esperjenza tiegħu ma’ Bayer Leverkusen bħala kowċ fejn magħhom rebaħ il-Bundesliga u t-Tazza Ġermaniża.

Xabi Alonso se jkun qed jieħu post Carlo Ancelotti li l-aħħar partita tiegħu kien s-Sibt li għadda u li issa se jkun qed jieħu f’idejh it-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-Brażil.

Bħala plejer ma’ Real Madrid rebaħ iċ-Champions League. Hu se jkun qed jibda l-esperjenza tiegħu bħala kowċ ta’ Real Madrid minn għada, fejn l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali se tkun it-Tazza tad-Dinja tal-klabbs li se tibda x-xahar id-dieħel bl-ewwel partita ta’ Real Madrid se tkun kontra Al-Hilal.

Alonso beda l-karriera tiegħu bħala kowċ fl-2018 fejn kien qed imexxi l-iskwadra ta’ taħt l-14-il sena ta’ Real Madrid, fejn wara tliet snin beda jmexxi lit-tim B ta’ Real Sociedad. F’Ottubru tal-2022 kien maħtur kowċ ta’ Bayer Leverkusen fejn is-suċċess tiegħu mal-klabb kien wieħed notevoli.