Martin Azzopardi li sena ilu temm b’suċċess distanza bir-rota ta’ 170km minn Pozzallo sa Ortigia, fi Sqallija b’risq Caritas Malta, dis-sena se jerġa’ jagħmel distanza ikbar bl-istess skop li jiġbor fondi b’risq l-istess organizzazzjoni.
Distanza ta’ 252km din id-darba se tkun l-isfida ta’ Martin li se ssir bejn is-7 u 8 ta’ Ġunju, din id-darba bejn Messina u Pozzallo. Azzopardi għażel li jirdoppja d-distanza fuq diversi raġunijiet fosthom li sab ħafna sapport minn familjari, ħbieb, it-tim tiegħu u Caritas u wkoll għax għal kull kilometru ta’ qdif se jkun qed jirrappreżenta lil dawk il-persuni li jiġu megħjuna minn Caritas Malta.
Waqt kumment li ta Martin Azzopardi qal: “Għal darb’oħra għażilt Caritas għax din il-Fondazzjoni hija ferm għal qalbi. Fix-xogħol tiegħi ta’ kuljum niltaqa’ ma’ ħafna persuni u familjari li jiġu bżonn l-għajnuna ta’ din l-organizzazzjoni u naf ħafna minn dawn il-persuni li llum irritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni sħaħ bid-dinjità kollha tagħhom qishom reġgħu twieldu mill-ġdid. Nibqa’ wkoll ngħożż il-memorja ta’ Monsinjur Victor Grech li tant ħeġġiġni waqt din l-ewwel avventura tiegħi biex nibqa’ ngħin u nagħmel il-ġid ma’ dawk l-aktar li għandhom bżonn.” Martin kompla jispjega li ilu jipprepara għal din id-distanza bir-rota minn meta spiċċa l-maratona tas-sena l-oħra. It-taħriġ iqis li huwa ta’ importanza kbira u jesiġi element ta’ dedikazzjoni biex tkun preparat kif suppost għall-isfida li jmiss.
Martin Azzopardi jappella biex iktar persuni li għandhom bżonn is-sapport ta’ Caritas iżommu ruħhom aġġornati b’dak li toffri din l-organizzazzjoni u barra minn hekk japprezza li jingħata donazzjonijiet biex hu jkun jista’ jgħaddihom lil Caritas biex tkompli tevolvi fis-servizzi tagħha lejn is-soċjetà Maltija.
Martin Azzopardi jirringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtuh sapport b’mod speċjali lil mara tiegħu Sandra li dejjem warajh f’dawn l-inizjattivi u wkoll lill-kollegi tax-xogħol, ħbieb u t-tim li se jakkumpanjawh inkluż id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt. Finalment irringrazzja lill-isponsors: Isotonic Drink, Casapinta Exhibitions and Events, Joseph Woodworks Ltd, Virtu Ferries Ltd u t-tim li jaħdem magħhom tal-Emergency Malta, dawn kollha jikkontribwixxu biex jagħmlu din il-maratona possibbli.
Wieħed jista’ jagħti donazzjoni u juri sapport lil Martin fuq Revolut 99656510.

