Ambjent Lokali

29,000 persuna jiffirmaw il-petizzjoni biex Manoel Island issir Park Nazzjonali

SkyeEye Malta

Huma 29,000 il-persuni li ffirmaw il-petizzjoni sabiex Maoel Island tinbidel f’Park Nazzjonali.

Din il-petizzjoni kienet xprunata minn diversi attivisti.

Il-petizzjoni qed titlob li jinħoloq park nazzjonali fil-qalba tal-iktar zona urbanizzata f’Malta — spazju aħdar għal kulħadd, fejn in-natura, l-istorja u l-komunità jiffjorixxu flimkien.

Il-petizzjoni parlamentari li qed titlob sabiex Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali ta’ wirt kulturali għalqet il-Ħadd b’ammont impressjonanti ta’ 29,041 firma, u wasslet dak li l-attivisti qed isejħu “mandat qawwi għall-azzjoni.”

Il-petizzjoni kienet ilha għaddejja xahrejn u baqgħet tiġbor eluf ta’ firem sal-aħħar ġurnata. It-total jammonta għal aktar minn 5% tal-popolazzjoni ta’ Malta.

Imnedija bħala parti mill-kampanja Manoel Island: Post Għalina, immexxija minn Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), u appoġġjata minn kważi 50 entità u grupp komunitarju, il-petizzjoni sabet appoġġ wiesa’ mill-pubbliku, inkluż minn personalitajiet pubbliċi, artisti, akkademiċi u politiċi.

Kelliem għall-kampanja qal: “Aktar minn 29,000 persuna esprimew il-ħolma tagħhom li Manoel Island tkun spazju aħdar pubbliku li kulħadd jista’ jgawdi. Dan il-mandat ma setax jintlaħaq mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ għexieren ta’ persuni li ħeġġew lil xulxin biex jingħaqdu mal-kampanja u jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom.”

Marie Claire Gatt, kelliema għal Manoel Island: Post Għalina, qalet: “Il-ġbir tal-firem wera kemm hija popolari l-ħolma ta’ park nazzjonali fuq Manoel Island. Minn kunċerti rock sa prestazzjonijiet tal-orkestra nazzjonali, minn anzjani li jiftakru kif kienet il-gżira qabel ma ngħalqet illegalment, sa studenti tal-Junior College – in-nies ma ħasbuhiex darbtejn biex jiffirmaw meta ngħataw il-viżjoni ta’ Manoel Island bħala park nazzjonali.”

F’isem l-FAA, Jamie Mercieca qal: “Il-klawsoli fil-kuntratt tal-MIDI jagħtu d-dritt lill-Gvern biex jikkanċella l-konċessjoni. Dan jipprovdi opportunità unika biex Manoel Island terġa’ tkun tal-poplu bħala park. Aħna konvinti li l-gvern għandu d-dritt u l-mezzi li jieħu azzjoni għall-ġid komuni. Issa li għandna mandat minn aktar minn 29,000 persuna – il-mistoqsija hija: il-Gvern għandu r-rieda politika?”

L-attivisti kkonfermaw li mhux ser jieqfu hawn, u se jkomplu jisħqu biex ir-rieda pubblika tinbidel f’azzjoni konkreta.

Robert Louis Fenech, li f’ismu ġiet sottomessa l-petizzjoni, qal: “L-ispiża ta’ nuqqas ta’ azzjoni hi ferm ikbar minn kwalunkwe kumpens temporanju. Din hija opportunità ta’ darba biex nagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja u s-saħħa, b’azzjoni deċiżiva mmexxija mir-rieda popolari.”