Internazzjonali

Inċident xokkanti waqt iċ-ċelebrazzjoni tar-rebħ tal-Premier; il-Pulizija qed iżżomm raġel ta’ 53 sena taħt arrest

Il-ferħ u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Liverpool FC wara li l-klabb kien inkoronat uffiċjalment Champions tal-Premier League Ingliż, kienu mtappnin minn inċident – ftit tal-ħin ilu u li nissel xokk u dieqa kbira fost in-nies preżenti.

Dan fost rapporti li raġel f’karozza saq għal fuq in-nies fl-inħawi ta’ Water Street, viċin iċ-ċentru tal-belt, fejn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu fl-aqwa tagħhom. Fil-preżent, il-Pulizija qed iżżomm raġel ta’ 53 sena minn Liverpool taħt arrest waqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet relatati.

Għalissa, mhix magħrufa r-raġuni għall-inċident, għalkemm xi sorsi qed jgħidu li r-raġel, qabel, kien involut f’xi battibekki ma wħud mill-partitarji preżenti għall-parata taċ-ċelebrazzjoni li bdiet kmieni filgħaxija.

Hemm ukoll xi sorsi li qed jgħidu li s-sewwieq kien mitluf f’dagħdigħa ta’ ‘road rage’ waqt li sorsi oħra qalu li s-sewwieq ‘kellu l-intenzjoni ċara li juża l-vettura bħala arma għal fuq in-nies’. Ir-raġel, f’ħin minnhom, spiċċa mdawwar min-nies li pruvaw joħorġuh mill-karozza fost l-interventi tal-Pulizija biex iżommu kontroll tas-sitwazzjoni.

L-inċident xeħet dell kbir fuq il-parata, bid-diriġenza tal-klabb ta’ Liverpool tingħaqad mal-awtoritajiet lokali biex jappellaw għall-kalma. Dan meta mifhum li rriżultaw il-midruba li l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.

Intant, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, permezz ta’ messaġġ, esprima x-xokk għal dak li għadu kemm seħħ f’Liverpool waqt li qal li l-ħsibijiet tiegħu huma man-nies li weġġgħu jew spiċċaw affettwati mill-inċident.

U waqt li l-Pulizija u l-‘emergency response teams’  qed jikkontrollaw is-sitwazzjoni f’Liverpool, Starmer qal li qed ikun aġġornat kontinwament dwar is-sitwazzjoni.

Bħalissa hemm preżenza kbira ħafna ta’ Pulizija fiz-zona tal-inċident u meta ftit tal-ħin ilu niżlet anki ambulanza tal-ajru fl-inħawi li, għalissa, huma dikjarati bħala inaċċessibbli mill-Pulizija.

L-indikazzjonijiet, intant, huma li ċ-ċelebrazzjonijiet għar-rebħ tal-kampjonat issa waqfu u bis-sitwazzjoni qed tkun evalwata mill-awtoritajiet u l-Kunsill lokali ta’ Liverpool.