Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li, sa fl-aħħar, il-Ftehim Kollettiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija ġie ffirmat illum, anke jekk tliet snin tard.
Hija ħasra li l-istudenti u l-ħaddiema tal-MCAST, fosthom il-letturi, kellhom jgħaddu minn daqshekk tbatija biex illum wasalna fejn kellna naslu tliet snin ilu.
Bil-ftehim iffirmat illum, il-ħaddiema sa fl-aħħar qed jieħdu dak li bi dritt messhom ħadu tliet snin ilu. Sew l-istudenti kif ukoll l-istaff tal-Kulleġġ ma kellhomx għalfejn jgħaddu min dawn it-tliet snin ta’ inċertezza, għalxejn.
Filwaqt li naturalment il-Gvern issa ħareġ jiftaħar li kien iffirmat il-ftehim, mhu tort ta’ ħadd ħlief tiegħu stess li kien hemm dewmien ta’ tliet snin li matulu l-istudenti spiċċaw isofru l-konsegwenzi. Dan għaliex il-Gvern ma kienx kapaċi jsib soluzzjoni fi żmien aċċettabbli bi djalogu serju mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Biex issa spiċċa kellu jaċċetta kważi l-proposti kollha li għal tliet snin sħaħ kien jirrifjuta. Dan ifisser li t-tbatija u l-qtigħ il-qalb li għaddew minnu dawk kollha milquta minn din il-kwistjoni kienu għalxejn.
Għalkemm issa l-Kulleġġ jista’ jħares ’il quddiem, dan ma jbiddilx il-fatt li ġew mitlufa tliet snin ta’ qtigħ il-qalb li affettwaw lill-istudenti, il-letturi, u l-gradi kollha involuti f’din il-kriżi.
Matul dan il-perjodu l-Partit Nazzjonalista żamm kuntatt kontinwu mal-istudenti u r-rappreżentanti tagħhom, fosthom il-Kunsill Studenti MCAST, kif ukoll mal-letturi u l-MUT.
Il-Partit Nazzjonalista issa jappella lill-Gvern u lill-MCAST sabiex jassiguraw li l-istudenti affettwati jingħataw is-sostenn u l-opportunitajiet meħtieġa biex jirkupraw dak li tilfu matul dawn l-aħħar snin. Fl-istess waqt, jawgura li dan l-episodju li tappan ir-reputazzjoni tal-MCAST ma jerġax jirrepeti ruħu.
Dan intqal fi stqarrija minn Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Ivan Castillo ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja u Bernice Bonello ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda.
//= $special ?>