Lokali Qorti

Id-difiża tiskredita lill-Koħħu u l-investigazzjoni tal-Pulizija fil-ġuri “Ta Maksar”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Id-difiża li ilha minn nhar il-Ġimgħa titratta l-każ tagħha kompliet tiskredita x-xhieda ta’ Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” li huwa x-xhud ewlieni fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Il-ġuri issa daħal fit-28 jum tiegħu bid-difiża mistennija wkoll ttella’ hi numru ta’ xhieda b’rabta mal-każ.

Id-difiża wkoll qajjmet punti dwar id-diversi nuqqasijiet li skont hi saru mill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha. Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-Avukat Nicholas Mifsud li qed jassisti lil Adrian Agius (ritratt) qal lill-ġurati li Vince Muscat għamel minn kollox biex jieħu l-proklama. Tenna li dak kien l-unika interess tiegħu. Qal li l-akkuża minn dak li ħareġ fil-Qorti ma ħariġx il-konvinċiment morali li wieħed għandu jsib xi forma ta’ ħtija. Il-konvinċiment morali huwa lil hin minn kull dubju. Skond l-Avukat Mifsud dan ma ntlaħaqx.

Ma jfisser li għax Muscat għandu l-proklama għandu jitwemmen. Il-proklama ma tfissirx verità u wieħed jemmen jekk irid. Anzi l-fatt li għandu l-problema l-iskrutinju fuq Muscat għandu jkun wieħed ikbar. Ikun kbir it-toqol jekk xi ħadd imur il-ħabs minħabba nuqqas ta’ provi u jekk hemm dubju, l-ġurati għandhom jilliberaw.

Id-difiża qalet lill-ġurari biex ma jinsewx li Muscat għamel talba biex jirrevedi xi affarijiet li kien qal. “Din mhijiex xi ‘essay’ u li dan huwa punt gravi. Muscat sal-kumpilazzjoni jiġifieri wara li ġie arrestat għażel li jsemma villa (b’rabta mal-qtil tal-Avukat Chircop) filwaqt li fl-inkjesta ma jsemmi xejn dwar dan. Mistoqi dwar dan mid-difiża u għaliex mexa b’dan il-mod, qal li ma jiftakarx.

L-investigazzjoni fil-qtil ta’ Carmel Chircop ma saritx bl-istess dilliġenza ta’ kif saret ta’ Daphne Caruana Galizia

F’Jannar tal-2020 lill-investigartur Arnaud qallu li ma jafx fuq il-villa, u wara ftakar f’kollox. Tkellem ukoll dwar is-Surġent Gary Scerri, li d-dettal li niżlu il-bugħaddasa fejn it-Tiger Bar il-Marsa. Fil-kumpilazzjoni ma semma’ xejn fil-kumpilazzjoni dwar dan, imma fil-ġuri semmiha l-ewwel darba. Meta kien mistoqsi min huma l-bugħaddasa, qal li ma jafx. L-Avukat Mifsud qal li Arnaud ma semma xejn lanqas dwar dan.

Sostna li fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia saru sew l-affarijiet għax inġiebu nies minn barra li anke fuq firma inġiebu. Dr. Mifsud faħħar il-fatt li kienu nvoluti esperti mill-Istitut Forensiku Olandiż u l-FBI.

Qal li dan ifisser li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Chircop ma twettqitx bl-istess diliġenza u enerġija bħal fil-qtil ta’ Caruana Galizia, li involvew esperti. “M’għandniex l-għodda f’idejna biex nikkorroboraw il-punti ewlenin. Hemm lakuni. Dik hija l-verità,” huwa qal lill-ġurati. Imma fil-każ għat-tfittxija tar-revolver tan-nikil, lanqas inġieb bugħaddas wieħed jixhed, għax ma raw xejn. Lanqas biss ippruvaw jagħmlu xi ħaġa.

“Ma kienx ħaqqu Dr. Carmel Chircop investigazzjoni sura ta’ nies?” staqsa l-avukat. Huwa qal dan fid-dawl, skont hu tal-inkonsistenzi li saru meta wieħed iqabbel l-inkjesta, il-kumpilazzjoni u dak li ngħad fil-ġuri.

Dr. Mifsud qal li fil-konfront ta’ Chircop l-investigazzjoni messha saret b’iktar dilliġenza. Kull fejn ipprova jżeffen lil Adrian Agius, Muscat ħawwad. Is-Supretendent Sandra Zammit tgħat sttruzzjonijiet lis-Surġent Oriana Spiteri biex toqgħod għassa, din l-ewwel Pulizija li waslet fuq il-post qagħdet għassa mal-garaxx numru 46. Lanqas biss indenjat titla’ fl-ewwel sular bil-karozzi deħlin u ħerġin u dan flok ġiet preservata x-xena tad-delitt.

Id-difensur qal li Oriana Spiteri, illum Spettur qalet li fil-ġuri li ma tiftakarx xi struzzjonijiet tagħta l-Ispettur. Lanqas biss ma ħassew il-ħtieġa li jħabbtu mal-garaxxijiet meta kien ingħad ukoll il-kliem bejn il-Pulizija li min spara jista’ jkun li kien għadu fil-kumpless tal-garaxxijiet.

L-Avukat Mifsud qal li kien ikun iktar serju li kienu l-Pulizija ħabtet ma’ kull garaxx li hemm fil-kumpless. Qal li kienu mitkellma l-ġirien, li huwa tajjeb, imma s-sidien tal-garaxxijiet ma ġewx mitkellma. Kienet tkun ħafna mportanti kien sar hekk. Dan kollu suppost kellu jiġi preservat fl-inkjesta Maġisterjali.

Huwa qal ukoll li kien hemm persuna li ħarġet bil-karozza minn fejn ix-xena tad-delitt lanqas biss ġie mitkellem. Lanqas biss twaqqaf u ġie mġiegħel jitfa’ mal-ġemb u tħalla jitlaq. Dan seta’ jkun ta’ għajnuna għal każ, imma ma sar xejn. Qal ukoll li kien hemm ħruġ ieħor mill-kumpless li l-pulizija ma nnutatx.

Il-pulizija messha investigat lil Jeffrey Mallia kif suppost

L-Avukat Mifsud qajjem suspett fuq Jeffrey John Mallia. Qal li l-Avukat Chircop kien involut fi ftehim ta’ negozju ma’ Mallia qabel ma’ nqatel. Qamu kwistjonijiet b’dan il-ftehim, iżda it-tifel Chircop xehed fil-qorti li dawn il-kwistjonijiet eventwalment ġew solvuti.

Dr. Mifsud fakkar lill-ġurati li Mallia kien ippreżenta rapport kriminali kontra l-vittma Chircop dwar dan il-ftehim. Huwa qal li l-pulizija messha investigat dan f’aktar dettall. Aktar kmieni fil-ġuri, uffiċjali tal-pulizija qalu lill-ġurati li Agius kien meqjus bħala suspettat aktar b’saħħtu għax mart Chircop semmiet il-ftehim bħala ta’ tħassib kbir għal żewġha qabel mewtu.

Madankollu, l-avukat difensur qal li din mhijiex raġuni b’saħħitha biżżejjed biex wieħed jissuspetta lil Agius waħdu mingħajr ma jinvestiga lil Mallia b’aktar rigorożità.

“Ejja ngħidu li għandi ħanut. Impjegat jieħu €10 mill-‘cash register’, u għalhekk inkeċċih. Ġimgħa wara, il-‘cash register’ tinsteraq. Meta l-pulizija tistaqsi dwar suspettati possibbli, ngħidilhom dwar dan l-impjegat. Madankollu, il-fatt li l-impjegat seraqli €10 ma jfissirx li kien hu li serqu u l-Pulizija għandha tinvestiga.”

L-Avukat Mifsud qal li l-inċertezza ta’ Muscat waqt iż-żjara fuq ix-xena tad-delitt mal-ġurati hija biżżejjed biex tiddubita l-kredibbiltà tiegħu bħala xhud. Skont id-difensur, meta Muscat ittieħed fl-inħawi ta’ Santa Venera biex jidentifika l-post fejn żammew il-karozza misruqa li ħarbu biha wara l-qtil, il-memorja tiegħu tfixklet. Huwa qal lill-pulizija li ma setax jifhem fejn kienu eżatt f’Santa Venera u lanqas ma rrikonoxxa l-garaxx fejn allegatament kienet miżmuma l-karozza.

Dr. Mifsud irrefera wkoll għall-karozza nnifisha fil-kumpless tal-garaxxijiet ġewwa Birkirkara. Il-qorti kienet ħatret espert biex jidentifika l-mudell tal-karozza minn filmati tas-CCTV, iżda Vince Muscat lanqas ma seta’ jagħraf il-karozza. “Dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ġustizzja jekk lanqas biss ikun jista’ jagħraf il-karozza,” sostna l-Avukat difensur.

Huwa kompla jgħid li l-motiv li qed ikun propost mill-prosekuzzjoni għall-qtil huwa ċar. Adrian Agius kellu dejn ma’ Carmel Chircop, u ried jeħles minnu. L-Avukat Mifsud qal li l-kwistjoni tad-dejn mhux b’saħħtu biżżejjed f’dan il-każ.

Tenna li l-Avukat Chircop kien sellef lid-diretturi ta’ More Supermarkets €750,000. Adrian Agius deher bħala debitur fuq il-kuntratt. Agius fetaħ kawża ċivili kontra l-familja Chircop wara l-qtil bit-tama li jiddikjara l-kuntratt null u bla effett. Wieħed ma jiftaħx kawża ċivili għall-gost. Isir dan għax għax wieġed jaħseb li jista’ jirbaħ.

L-Avukat Mifsud qal li Agius l-ewwel offra garaxx, iżda meta l-familja qalet li mhumiex interessati fil-proprjetà, Agius u l-familja qablu fuq ħlas barra l-qorti ta’ €165,000. Agius seta’ spiċċa ma ħallas xejn, imma ħallashom minflok.

Sadanittant, skont l-Avukat Mifsud, il-familja Chircop laħqet ukoll ftehim ma’ Jeffrey John Mallia, iżda kien Mallia li kiseb dak li ried f’dan il-ftehim. Chircop kellu l-proprjetà ta’ More Supermarkets għal €750,000. Adrian Agius deher li kellu d-dejn tal-kuntratt.

Meta Agius irrifjuta li joffri l-garaxx, il-familja qalet li l-partijiet interessati fil-proprjetà, Agius u l-familja qablu li jħallsu barra l-Qorti s-somma ta’ €165,000.

Dr. Mifsud tkellem dwar il-kostituzzjoni tad-dejn li fuqu kien ibbażat il-ftehim bejn Chircop u d-diretturi ta’ More Supermarkets, inkluż Agius. Qal li kostituzzjoni ta’ dejn hija dokument li jpoġġi bil-miktub dejn pre-eżistenti bejn id-debitur u l-kreditur. Madankollu, Mifsud sostna li la Carmel Chircop u lanqas martu ma kienu preżenti meta l-kostituzzjoni tad-dejn ġiet iffirmata mill-partijiet quddiem nutar.

Mifsud sostna li Agius fetaħ kawża ċivili kontra l-familja Chircop għax ħass li din il-problema setgħet tirriżulta li l-kuntratt jiġi ddikjarat null u bla effett. L-Avukat kompla jargumenta kontra d-dejn bħala motiv ċar għall-qtil.

Qal li Agius ma setax jeħles mid-dejn billi joqtol lil Carmel Chircop għax dan jintiret mal-bqija tal-familja tiegħu. “Huwa diżappuntanti immens li l-Avukat Ġenerali bbaża l-każ tiegħu fuq dan il-fatt biss,” huwa sostna.

Huwa appell lill-ġurati biex jerġgħu lura għax-xhieda ta’ Mary Rose Chircop biex jikkonfermaw li qatt ma rat lil żewġha u lil Agius jargumentaw bil-qawwa dwar il-ftehim.

Dr. Mifsud wara jsemmi l-jott ta’ George Degiorgio, il-Maya. Huwa jirrimarka li Vince Muscat qal lill-qorti li Alfred Degiorgio kien il-ħabs meta ħuh George xtara d-dgħajsa. Madankollu fuq il-karta, id-dgħajsa kienet irreġistrata f’isem Alfred Degiorgio. Il-firma tiegħu tidher fuq id-dokumenti tas-sid, Dan jitfa’ aktar dubju fuq ix-xhieda ta’ Muscat.

L-Avukat idur biex jitkellem u jfakkar lill-ġurati dwar ix-xhieda ta’ Muscat meta qal li kien ħareġ ma’ George Degiorgio u Adrian Agius biex jispjaw lil Carmel Chircop waqt li kien qed jiekol fix-xatt tal-Birgu. Dr. Mifsud tenna li jkun stramb li Adrian Agius jispija minn jeddu lil Carmel Chircop matul il-ġurnata man-nies li allegatament huwa ħallas għall-qtil tiegħu.

Mifsud qal ukoll li x-xhieda ta’ Muscat hija għal darb’oħra kontradittorja dwar id-dettalji ta’ din il-ħarġa. Għall-ewwel, Muscat xehed li huma saqu lejn Birgu bil-karozza ta’ Adrian Agius. Aktar tard, huwa qal lill-qorti li saqu hemm bil-karozza tiegħu stess. L-Avukat difensur qal li Muscat ħawwad anke fuq dawn id-dettalji bażiċi.

L-Avukat Mifsud għlaaq l-argumenti tiegħu wara li elenka xi ftit aktar ineżattezzi fix-xhieda ta’ Muscat, il-punt finali tiegħu lill-ġurati huwa li jaċċertaw ruħhom li huma moralment konvinti mill-evidenza li ngħatat lilhom.

“Meta tieħu deċiżjoni, irid ikollok l-għodda kollha. Nemmen li l-għodda sempliċement m’hemmx,” qal l-Avukat Difensur. Huwa saħaq li l-Avukat Ġenerali ppreżenta lil Vince Muscat bħala xhud mingħajr l-evidenza xierqa biex tikkorrobora dak li kien qed jgħid.

“Vince Muscat huwa inkredibbli. Muscat lest jigdeb biex jikseb dak li jrid,” reġa’ qal Dr. Mifsud, li rrimarka li l-unika akkuża kontra Adrian Agius hija li hu kkummissjona l-attakk fuq Carmel Chircop. “Ejja nibagħtu messaġġ, dik li meta tinvestiga każ, trid tinvestigah bis-sħiħ,” temm jgħid l-Avukat.

Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar beda d-difiża dwar il-każ l-Avukat Leslie Cuschieri u dan biex jikkonvinċi lill-ġurati li l-evidenza miġjuba kontra l-klijent tiegħu, George Degiorgio, mhijiex tal-livell mistenni.
George Degiorgio diġà ammetta l-ħtija għar-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ġie kundannat 40 sena ħabs. F’dan il-każ, qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Carmel Chircop.

L-Avukat ta’ George Degiorgio imwissi mill-Imħallef biex joqgħod attent xi jgħid lill-ġurati

Dr. Cuschieri jsemmi l-każ ta’ Jonathan Pace, li kien ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat. Pace kien imexxi l-ħanut Tyson Butcher fiż-Żejtun u kien akkużat li spara sitt tiri b’pistola ta’ kalibru żgħir, li tlieta minnhom laqtu lil Muscat. Pace inqatel ftit ġimgħat wara b’diversi tiri ta’ arma tan-nar li laqtuh f’sidru, f’dahru u f’riġlejh.

Il-prosekuzzjoni mhix kuntenta li dan qed jissemma. Wara ftit storbju mit-timijiet legali, l-imħallef tgħid lil Cuschieri biex joqgħod attent x’jgħid lill-ġurati. L-Avukat Cuschieri jgħid li dawn l-istejjer jistgħu jirriżultaw fi preġudizzju, iżda l-prosekuzzjoni ma taqbilx ma’ dan il-kumment lanqas. L-imħallef terġa’ twissi lil Cuschieri biex joqgħod attent xi jgħid.

L-Avukat qal lill-ġurati li għandhom jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom biss fuq l-evidenza li tressqet quddiemhom mill-qorti. Meta jiġu biex jiddeċiedu l-verdett tagħhom, għandhom jagħmlu dan abbażi tal-evidenza murija lilhom fil-ġuri, għall-kuntrarju ta’ dak li setgħu semgħu fil-midja jew permezz ta’ konverżazzjoni żgħira.

“Jekk tħalli lilek innifsek tiġi influwenzat minn affarijiet barra mill-qorti, allura m’inthomx ġurati tajbin. Huwa għalhekk li mhux qed titħallew tmorru d-dar, għax tista’ tiġi influwenzat minn affarijiet li jiġru barra mill-awla tal-qorti,” jispjega.

L-Avukat Cuschieri argumenta li m’hemm l-ebda evidenza forensika li torbot lil dawk li jinsabu fl-iżbarra. Huwa qal li kien waqt ix-xhieda ta’ Arnaud li wieħed mill-avukati tad-difiża staqsa jekk kienx hemm xi rabta xjentifika bejn l-evidenza miġbura minn esperti barranin u l-akkużat. Dak iż-żmien, Arnaud qal li ma kienx hemm iżda l-evidenza xorta kienet utli biex twassal lill-pulizija għall-akkużat.

Matul dik l-istess xhieda, kien wieħed mill-ġurati li staqsa wkoll lil Arnaud jekk kienx hemm xi evidenza forensika li tgħaqqad lill-akkużat mar-reati. “Ma nafx jekk innotajtux, imma f’dak il-ħin, Arnaud sar aħmar u beda jgħajjat,” qal l-avukat.

Avukat jikkritika l-investigazzjoni “traskurata” dwar il-qtil ta’ Chircop

Bħal ma għamel l-Avukat Nicholas Mifsud, l-Avukat Cuschieri qabbel l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop ma’ dik ta’ Daphne Caruana Galizia. Jgħid li din tal-aħħar kien metikolużu iżda l-istess ma jistax jingħad għall-investigazzjoni ta’ Carmel Chircop.

L-Avukat difensur qal ukoll li fl-investigazzjoni ta’ Caruana Galizia, il-pulizija sabet sigaretti 150 metru ‘l bogħod mis-sit tal-isplużjoni. Sadanittant, fl-investigazzjoni ta’ Chircop, instabu sigaretti 10 metri ‘l bogħod. Il-profil tad-DNA ġie mwarrab. Hekk suppost jiġru affarijiet bħal dawn?, huwa staqsa.

L-Avukat Cuschieri wara kkritika lill-espert maħtur mill-qorti li ġabar il-filmati tas-CCTV miż-żona madwar il-bini ta’ Rampol, li huwa l-kumpless ta’ garaxxijiet fejn inqatel Chircop. Skont Cuschieri, l-espert ġabar biss filmati minn kameras tul Triq John Borg u r-rotta li ħadet il-karozza suspettata li ħarbet.

“Għaliex ma ġabarx filmati miż-żona madwar is-sit? Bħal pereżempju mis-sqaq żgħir ħdejn ir-rampa tal-binja ta’ Rampol.” L-avukat ikkritika wkoll lill-pulizija talli kien moħħom biss f’karozza waħda li daħlet u ħarġet mill-kumpless, meta dehru karozzi oħra deħlin. “Għażlu din il-karozza, għaliex ma vverifkawx lejn il-karozzi li kienu ħarġu qabel?” huwa staqsa.

Cuschieri l-investigazzjoni tal-Pulizija bħala “investigazzjoni ta’ shortcuts”. Huwa qal li jekk il-karozza identifikata mill-pulizija kienet dik użata mill-qattiela, allura l-qattiela rnexxielhom jiskjeraw ruħhom f’ħin rekord, dik ta’ mhux iktar minn ħames minuti.

Huwa fakkar lill-ġurati fuq il-filmati tas-CCTV, fejn isemmi l-irreġistrat tal-ħin u mumenti meta karozzi oħra setgħu jidhru jsuqu madwar iż-żona. Dr. Cuschieri tkellem fuq ir-ritratti tas-CCTV ta’ dak li l-pulizija tissuspetta li kienet il-karozza tal-ħarba fil-qtil ta’ Carmel Chircop.

Ritratt minnhom juri vann aħmar tal-iskola segwit minn karozza griża. Bejn it-tnejn hemm karozza griża skura, kważi sewda. Il-pulizija qalet li din kienet il-karozza li ntużat biex isir il-qtil. Madankollu, Vince Muscat kien qal lill-qorti li l-karozza li użaw kienet ta’ kulur differenti. Ma għarafx il-kulur tal-karozza, iżda l-avukat qal li suppost seta’ jiftakar ir-rotta tal-ħarba wara l-qtil.

“Kif jista’ jiġi vverifikat l-aktar dettall importanti tal-każ meta persuna waħda tgħid li huwa kulur wieħed, u persuna oħra tgħid li huwa kulur differenti?” L-avukat difensur elenka diversi uffiċjali tal-pulizija li ġew imsejħa fuq il-post dakinhar tad-delitt.

Dawn kienu jinkludu l-Assistenti Kummissarji Silvio Valletta u Martin Sammut, fost oħrajn. Skont Dr. Cuschieri, jidher li dawn l-uffiċjali tal-pulizija ftit li xejn ikkontribwew għall-investigazzjoni, u għalhekk il-biċċa l-kbira tax-xogħol waqa’ fuq Sandra Zammit mit-Taqsima tal-pulizija tad-distrett ta’ Birkirkara u Keith Arnaud mill-iskwadra tal-omiċidji. “Sfortunatament, Arnaud ma wettaqx l-obbligi tiegħu bl-aħjar mod li seta’, fl-opinjoni umli tiegħi,” huwa qal.

Saħaq li ma jimmaġina lill-ebda uffiċjal investigattiv ieħor jieħu dawn it-tip ta’ ‘shortcuts’. Qal li fuq il-karozzi ttieħdu ħafna ‘shortcuts’, kien hemm ħafna iktar x’isir. Staqsa kif jista’ jissolva omiċidju bħal dan billi nkunu traskurati? Dr. Cuschieri qal li jekk Arnaud daħħalha f’moħħu li dan l-omiċidju sar bl-użu ta’ karozza, għall-inqas kellu jsegwi ż-żewġ jew tliet karozzi li ħarġu fil-ħin ta’ qtil. Qal li lanqas s’hemm ma wasal.

Dr. Cuschieri tkellem ukoll dwar il-wegħda ta’ bejgħ fuq maħżen f’Ħal Qormi fiċ-ċentru tal-ftehim finanzjarju bejn Chircop u Agius. Chircop kellu jaqla’ €700,000 minn wegħda ta’ bejgħ ta’ maħżen f’Ħal Qormi lid-diretturi ta’ More Supermarkets. Il-bejgħ kien għal €3 miljun. Il-maħżen kellu jiġi trasferit lil Chircop u mbagħad mibjugħ lil More Supermarkets, iżda l-wegħda tal-bejgħ qatt ma ġiet iffirmata.

L-Avukat qal lill-ġurati li mhux kollox kien trasparenti f’dan il-ftehim. Is-sensar tal-proprjetà involut f’dan in-negozju kien xehed fil-qorti li Chircop żar il-maħżen ma’ ċertu Ray Grech, li miegħu kellhom negozju tal-importazzjoni tal-laħam. Ġie mfassal ftehim preliminari bejn it-tnejn biex jinbeda l-proċess tax-xiri għall-maħżen. Aktar tard, Grech irtira l-ftehim iżda Chircop ippersista.

L-Avukat Cuschieri sostna li ma jagħmilx sens li Grech tilef l-interess fil-ftehim b’mod każwali. “Jista’ jkun li Chircop kompla bil-ftehim, billi ffirma kostituzzjoni ta’ dejn wara dahar Grech? Jista’ jkun li l-kostituzzjoni ta’ dejn, li kienet tikkonsisti fil-profitt, ittieħdet illeċitament minn Chircop u martu?”

“Seta’ kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar dan l-ammont sostanzjali? Dan huwa kuntratt ta’ €3 miljun bi profitt maħsub ta’ €700,000. Nistgħu verament nieħduha bħala fatt li kollox sar skont il-liġi?” Cuschieri beda jispekula dwar kif Vince Muscat wasal għad-deċiżjoni li jibda jitkellem dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop.

Huwa qal li l-investigaturi ewlenin fuq il-każ kienu interessati b’mod ċar f’min ipprovda l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Skont Cuschieri, Muscat uża dan għall-vantaġġ tiegħu. Saħaq li Muscat iddeċieda li jħajjar lill-investigaturi b’din l-informazzjoni bi skambju għal maħfra fuq il-qtil ta’ Carmel Chircop, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni hijiex vera jew le. Hawn l-Avukat Cuschieri temm id-difiża tiegħu li għandha tkompli t-Tlieta filgħodu.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.