Internazzjonali

‘Il-kampanja kontra l-Ħamas ma tiġġustifikax it-tbatija tal-familji’… aktar pajjiżi jikkundannaw l-offensiva fuq Gaza

Il-Ġermanja hi l-aħħar minn fost il-pajjiżi Ewropej, alleati ta’ Iżrael, li kkritikaw lill-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, dwar il-pjani tiegħu biex jaħtaf il-kontroll ta’ Gaza u jikkonsolida preżenza f’aktar minn 75 fil-mija tat-territorju. Dan jinkwadra wkoll fi pjan biex il-Palestinjani kollha ta’ Gaza ‘jirrilokaw’ lejn artijiet oħra u meta, fost oħrajn, qed tissemma l-Libja bħala l-pajjiż li jista’ jospitahom’.

Ir-Renju Unit u Franza, qabel, ukoll kienu kkritikaw il-kampanja militari ta’ Iżrael li qed tikkaġuna problemi u tbatija enormi għall-Palestinjani ta’ Gaza… Palestinjani li qed jissugraw li jmutu bil-ġuh peress li l-Iżraeljani qed jippermettu li jaslilhom biss il-minimu possibbli tal-ikel wara nuqqas ta’ aktar minn xahrejn.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier Ġermaniż, Friedrich Merz, qal li ma jistax jifhem aktar fejn irid jasal Iżrael b’din il-politika. U waqt li kritika l-aġir ta’ Netanyahu, Merz wissa biex il-Gvern Iżraeljan ma jwettaqx azzjonijiet li lanqas l-akbar Stati ħbieb tiegħu ma jkunu lesti li jaċċettaw.

U waqt li l-qawwiet Iżraeljani qed ikomplu bir-rejds tal-ajru fuq Gaza, il-Kanċillier Ġermaniż insista bl-importanza li Iżrael jirrealizza l-obbligi umanitarji tiegħu meta l-Palestinjani fit-territorju huma dipendenti mill-kunsinni tal-għajnuna li qed tibgħatilhom il-komunità internazzjonali. Dan meta l-Iżraeljani qed jinsistu li huma ‘t-terroristi tal-Ħamas li jibbenefikaw l-aktar minn din l-għajnuna’.

Merz tenna li fl-aħħar jiem, id-dinja rat il-livell tat-tbatija fost in-nies ta’ Gaza u li aktar pajjiżi qed jaqblu li din it-tbatija ma tistax tkun iġġustifikata mill-gwerra kontra t-terroriżmu tal-Ħamas.

Dan wara li l-mexxejja ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Kanada wissew diġà li lesti biex jieħdu ‘azzjonijiet determinati fil-konfront ta’ Iżrael’, f’każ li Netanyahu ma jibdilx il-politika tiegħu – u b’mod partkulari l-politika li tirrigwarda l-għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaza.

Min-naħa tiegħu, Netanyahu wera ruħu urtat bl-istqarrijiet tal-pajjiżi alleati waqt li akkużhom bħala ‘sostenituri tal-Ħamas li huma fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja’. Messaġġ indirizzat speċifikament lill-President Franċiż Emmanuel Macron; il-Prim Minsitru Britanniku Keir Starmer, u l-Prim Ministru Kanadiż, Mark Carney.

Intant – u għalkemm l-Iżraeljani permettew biex l-għexieren tat-trakkijiet jaqsmu lejn Gaza fl-aħħar jiem – in-Nazzjonijiet Uniti għadha qed tinsisti li l-għajnuna li qed tasal lill-Palestinjani żgur mhix biżżejjed biex tevita epidemija tal-ġuħ.

Madankollu, it-twissijiet donnhom li qed jaqgħu fuq il-widnejn torox, bit-truppi u l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani  jirrankaw l-offensiva fuq iċ-ċentri indikati bħala moħbiet tal-Ħamas lejn in-Nofsinar u n-naħa ta’ fuq ta’ Gaza. Il-Gvern Iżraeljan qal li l-azzjonijiet huma neċessarji biex jespandi l-kontroll fuq il-Medda ta’ Gaza u biex jinħelsu l-aħħar għexieren ta’ ostaġġi Iżraeljani miżmumin mit-terroristi f’dawk l-artijiet.