Il-kriżi tat-traffiku f’pajjiżna kienet it-tema ewlenija ta’ diskussjoni li saret illum fil-Kamra tal-Kumitati tal-Parlament bejn erba’ Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej, u li ffukat fuq l-iżviluppi lokali u kif dawn jintrabtu mal-politika Ewropea fil-qasam tat-trasport u t-turiżmu.
Għal din il-laqgħa mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) attendew ix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut, Ivan Castillo, Ryan Callus u Alex Borg, li tennew il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata bi pjan olistiku li jirrikjedi qabel kollox investiment serju f’sistema ta’ vvjaġġar tal-massa li tnaqqas drastikament il-bżonn tal-użu tal-karozza individwali, filwaqt li appellaw għal fondi mill-Unjoni Ewropea biex din tkun implimentata.
Dwar l-emissjonijiet relatati mat-trasport, ingħad li l-liġijiet Ewropej għandhom jagħtu kas il-bżonnijiet partikolari ta’ pajjiżi li jinsabu fil-periferija, speċjalment gżejjer bħal tagħna, li huma ġeografikament maqtugħin mill-kontinent Ewropew.
Ix-Shadow Ministers fakkru kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar dawn is-setturi hija msejsa fuq il-kwalità tal-prodott turistiku kif ukoll l-attrazzjoni ta’ turiżmu aktar sostenibbli, b’anqas pressjoni fuq ir-riżorsi lokali.
Tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-fondi li pajjiżna ġab mill-Unjoni Ewropea biex stajna nimplimentaw l-ewwel u eventwalment it-tieni interconnector. Min-naħa l-oħra, pajjiżna tilef €34 miljun minn fondi Ewropej li kellhom imorru biex 100 karozza tal-linja jinqalbu mill-fuel għall-elettriku. Dan fid-dawl tal-fatt li l-MEPs preżenti esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li pajjiż żgħir bħal tagħna għandu numru daqstant kbir ta’ karozzi.
Barra minn hekk, huma ddiskutew ukoll ir-rwol ta’ Għawdex fl-ekonomija ta’ pajjiżna, bil-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jispjegaw li Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-infrastruttura u l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, fost l-oħrajn bit-tkabbir tal-Port tal-Imġarr u b’investiment f’vapuri ġodda ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Din il-proposta kienet spjegata wkoll mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius f’konferenza li organizza riċentement.
Fost temi oħra diskussi matul il-laqgħa kien hemm ukoll il-Green Deal u l-bżonn li dan ikun adattat aħjar għar-realtajiet tal-gżejjer biex ma jolqotx ħażin l-ekonomiji fit-truf tal-kontinent Ewropew.
//= $special ?>