Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol xtara 45 karozza ġdida għad-Dipartimenti u Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
Il-Ministru Camilleri kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra li staqsiet bil-miktub lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-lum, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b’direct order jew b’tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza. Intalab ukoll jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament.
Il-Ministru Byron Camilleri rrimarka biss fil-Parlament li x-xiri ta’ dawn il-vetturi sar skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procurement Regulations.
L-istess mistoqsija saret fil-Parlament lil Ministri oħra, bil-Ministru Silvio Schembri jgħid li l-Ministeru u d-Diprttimenti li hu responsabbli għalihom xtraw 12-il vettura ġdida u li nofshom inxtraw għall-użu ġenerali u dipartimenti speċifiċi, u l-kumplament lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali u li skont il-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures li huma intitolati għall-vettura.
Jirriżulta wkoll li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, immexxi minn Clint Camilleri, xtara seba’ karozzi ġodda li ħamsa minnhom inxtraw għall-użu ġenerali, u l-kumplament inxtraw lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali.
//= $special ?>